Il-Belt Valletta tieħu xejra Xjentifika...

Madwar 25,000 persuna żaru l-Belt Valletta għall-Science in the City

Numru kbir ta' tfal iżuru Science in the City
Numru kbir ta' tfal iżuru Science in the City

Eluf ta’ familji u persuni ta’ kull eta’ daħlu l-belt Valletta l-Ġimgħa filgħaxija biex jesperjenzaw għadd ta’ attivitajiet dwar ix-xjenza tal-European Researchers’ Night, Science in the City 2016. It-tema matul din il-5 edizzjoni kienet il-moħħ uman.

Hu stmat li madwar 25,000 persuna żaru dan il-festival annwali tax-xjenza li inkluda minn taħdidiet xjentifiċi, esperimenti interattivi, wirjiet u esperjenzi hands-on għal faċilita’ li bil-moħħ tikkontrolla mużika u ritratti, mind games u riċerka ġdida fin-newroxjenza. Il-festival kien mżewwaq ukoll b’mużika, żfin u teatru esperimentali, kollha ispirati mill-moħħ u l-intellett.

Iktar minn 60 riċerkatur u 200 student ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Science in the City. Il-festival attira ukoll iktar minn 50 msieħba, inkluż numru ta’ NGOs, fosthom mis-settur tas-saħħa mentali.

Il-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat żaru ż-żona tar-Riċerka dwar is-Saħħa u l-Mard Rari fejn in-National Alliance on Rare Disease u l-Malta Bio-Bank tellgħu l-wirjiet tagħhom. Huma ġew wiċċ imb’wiċċ mar-realtà ta’ mard tal-moħħ rari fit-tfal.

Wirja li tesponi r-riċerka tal-Malta Neuro-Science Network u ta’ xjentisti oħra fin-newroloġija fl-Università ta’ Malta ser tibqa’ miftuħa fil-bini tal-Parlament sas-6 ta’ Ottubru. Il-wirja tiċċelebra wkoll il-kontribut fix-xjenza newroloġika ta’ erba’ personalitajiet Maltin, fosthom il-Professur Louis Vassallo, il-Professur George P. Xuereb, Dr Ludvic Zrinzo u l-Professur Edward deBono għax-xogħol pijunier li wettqu fix-xjenza tal-moħħ u fil-mard newroloġiku.

Ritratti: Elisa von Brockdorff
Ritratti: Elisa von Brockdorff
Ritratti: Elisa von Brockdorff
Ritratti: Elisa von Brockdorff

Produzzjoni dwar ir-riċerka tax-xjenza newroloġika f’Malta ixxandret fuq TVM, waqt li kienet qed issir l-attività fil-belt Valletta.

Il-festival European Researchers’ Night, Science in the City hu ffinanzjat mill-Proġett  Horizon 2020, (H2020, 2014-2020) ta’ Marie Skłodowska-Curie Actions tal-Kumissjoni Ewropea u hu organizzat minn konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Malta, il-Malta Chamber of Scientists, il-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT) u msieħba oħra. Il-festival hu rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE)

More in Socjali