Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li jinsab impressjonat bis-serjetà u l-kontenut li ġie ppreparat għal Birgu Fest ta’ din is-sena li issa hija mifruxa fuq erbat ijiem.
Buontempo qal li jinsab kuntent li qed jiġu involuti t-tfal tal-iskejjel billi qed jiġu organizzati guided tours madwar il-Birgu fejn qed jitgħallmu l-istorja tal-lokal. Is-Segretarju Parlamentari tenna li għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex l-istorja li wrietna ngħadduwha lil ta’ warajna bir-rikkezza kollha tagħha.
L-attivitajiet fil-Birgu Fest jinkludu għadd ta’ re-enactments, tours, arti viżiva, workshops, produzzjonijiet teatrali, kunċerti u ssoltu mixgħela fuq is-swar tal-Birgu, toroq u spazji oħra. Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-atmosfera li toħloq din il-mixgħela hija waħda maġika u ħeġġeġ biex aktar kunsilli lokali jkunu proattivi permezz tal-kultura fil-lokalità.
“Qegħdin ukoll permezz tal-appoġġ li nagħtu attivitajiet bħal dawn, ngħinu lil kunsilli lokali jorganizzaw attivitajiet li jiġġeneraw l-ekonomija lokali fil-lokalità tagħhom. Dawn l-attivitajiet għandhom jservu wkoll sabiex ikomplu jagħtu spinta lin-negozji tal-lokal permezz ta’ turiżmu intern,” saħaq Buontempo.
Huwa rringrazzja lill-kunsilli lokali kollha, fosthom tal-Birgu, għax-xoghol tagħhom sabiex flimkien ma’ għaqdiet lokali, qed jieħdu l-inkarigu sabiex jorganizzaw attivitajiet kulturali li huma wkoll vetrina mill-isbaħ għat-turiżmu f’pajjiżna.
Il-konferenza stampa kienet indirizzata wkoll mis-Sindku tal-Birgu s-Sur John Boxall fejn qal li l-pubbliku ser jkollu l-possibiltà li jżur aktar minn erbatax-il post ta’ interess li ser jkunu miftuħa waqt il-Birgu Fest.
Birgu Fest se tkun organizzata minn għada il-Ħamis 6 ta’Ottubru u l-Ħadd 9 ta’ Ottubru.