‘Ħallu lilna niddeċiedu x’nagħmlu b’ġisimna’
700 jiffirmaw il-petizzjoni fl-ewwel ftit siegħat
More in Socjali
700 jiffirmaw il-petizzjoni fl-ewwel ftit siegħat
Hekk tgħid petizzjoni, ndirizzata lill-Membri Parlamentari kollha, li bdiet iddur mis-Sibt, kmieni filgħodu, u li qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex isemma’ leħnu kontra r-rakkomandazzjonijiet ta’ tliet kumitati Parlamentari, jiġifieri li l-Morning After Pill (MAP) għandha tinbiegħ biss meta l-mara jkollha riċetta mingħand tabib.
Il-petizzjoni li bdiet minn Jelena Bezzina, waħda mill-102-il mara li fetħu protest ġudizzjarju biex il-MAP tkun liċenzjata, importata u mibjugħa mill-ħwienet, tħeġġeġ lid-Deputati kollha biex iħallu f’idejn il-mara fi kwistjonijiet li jirrelataw ma’ ġisimha.
Il-petizzjoni ta’ Bezzina, iffirmata minn 700 persuna fl-ewwel siegħat biss, tgħid illi din ir-rakkomandazzjoni tista’ tagħti lok għal abbuż minn ċerti tobba li jiddeċiedu li ma jbiegħux dan il-kontraċettuv “bbażat fuq il-konvinzjonijiet morali tagħhom.”
Il-petizzjoni li qed iddur fuq is-sit change.org tfakkar illi dan it-tip ta’ kontraċettiv jissejjaħ ‘ta’ emerġenza’ minħabba li jeħtieġ jittieħed ftit wara li l-mara jkollha rapport sesswali ma’ raġel. “Iktar kemm il-mara tieħu l-kontraċettiv malajr, inqas iċ-ċans ta’ kumplikazzjonijiet.” Fid-dawl ta’ dan, il-petizzjoni tgħid illi ma jagħmilx sens li jittawwal il-proċess billi jiddaħħal il-bżonn li persuna takkwista riċetta mingħand it-tabib. “Dan jista’ jkun ta’ detriment għal mara Maltija li mhux se tibqa’ tkun fdata bid-deċiżjonijiet dwar ġisimha, kuntrarjament għal nisa oħrajn fl-Ewropa.”
Il-petizzjoni filwaqt li tħeġġeġ lid-Deputati Parlamentari biex iħallu lin-nisa jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għal ġisimhom saħqu illi r-rakkomandazzjoni tista’ tiftaħ il-bibien tal-abbuż. “Nibżgħu illi din id-deċiżjoni tista’ tagħti lit-tobba li jħossu li għandhom dritt jiġġudikaw il-ħajja sesswali tan-nisa, ibbażat fuq il-konvinzjonijiet morali tagħhom, iċ-ċans li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.”
Il-petizzjoni tkompli tgħid li “mhux f’idejkhom il-Parlamentari, jew it-tobba jew il-ġirien li tiġġudikaw.”
Dawk li ffirmaw u qed jiffirmaw din il-petizzjoni temmew jelenkaw lista ta’ studji li juru kif huwa ċar kif il-bejgħ tal-MAP mill-ħwienet ma tippromovix l-abbuż u lanqas imġieba sesswali riskjuża, “imma tista’ fil-fatt tiffaċilità l-użu aħjar ta’ dan il-kontraċettiv.
Għal dawk li jixtiequ jiffirmaw il-petizzjoni jistgħu jagħfsu hawn.