‘Kieku wliedi jmorru skola hemm, kont noħroġhom mill-ewwel’

Numru ta’ ġenituri mħassbin dwar id-deċiżjoni tal-Kulleġġ St.Albert

Il-Kap tal-Kulleġġ St.Albert, Mario Mallia, flimkien mal-Provinċjal tad-Dumnikani Fr Frans Micallef din il-ġimgħa fetħu l-bibien tal-Kulleġġ għal dawk il-Musulmani li jixtiequ jitolbu u m’għandhomx post fejn. Għalkemm kienu ħafna dawk li faħħru din id-deċiżjoni, mal-ILLUM Mallia ammetta  li numru ta’ ġenituri ma ħadux wisq gost.

Mario Mallia
Mario Mallia

“Iva kellna reazzjonijiet negattivi, kif fil-fatt kellna reazzjonijiet pożittivi ukoll,” sostna Mallia. Għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar għalfejn ħass li ma ma kellux jiddiskuti minn qabel din il-materja mal-ġenituri, Mallia sostna li  dawk li jibgħatu lil uliedhom St. Albert “jafu, mill-ewwel ġurnata tal-iskola, li l-Kulleġġ huwa miftuħ u inklussiv għal kull tip ta’ ħsieb. Naturlament,” kompla jgħid Mallia, “tkellmina mal-ġenituri u assigurajnihom li għal fini ta’ sigurtà dan it-talb se jkun qed isir biss, barra l-ħin tal-iskola. Imma dan biss minħabba li jkollok numru ta’ nies deħlin u ħerġin u mhux minħabba li t-talb jew il-persuni huma Musulmani.”  

Ma dan ma jaqbel assolutament xejn Malcolm Seychell, opinjonista voċiferu kontra l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ta’ persuni Musulmani f’Malta. “Jien kieku uliedi kienu jmorru dan il-kulleġġ, kont noħroġhom. Dan x’jiġifieri nibgħat lill-uliedi fi skola tal-Knisja u dawn jiddeċiedu li l-parti minnha ssir post ta’ talb għal Musulmani mingħajr ma’ jikkonsultaw mal-ġenituri?”

Mistoqsi jekk jaħsibx li qed ikun drastiku huwa wieġeb fin-negattiv. “Le mhux drastiku. Jien m’għandi xejn kontra l-inklużjoni, imma nklużjoni ma’ min għandu kultura simili mhux ma’ min jemmen fil-liġi tax-Sharia, fost l-oħrajn.”

‘Kieku vera problema ta’ parkeġġ ikollna nwaqqfu l-purċissjonijiet’

Dwar il-kwistjoni tal-Moskea f’Buġibba, li fil-fatt qajmet dan id-dibattitu kollu, Mallia jsostni illi kieku veru kellu jieħu r-raġunament tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar bis-serjetà, “kieku lanqas purċissjonijiet u festi  ma norganizzaw għax anke dawn joħolqu inkonvenjent.” Għalkemm Mallia jgħid illi kieku din il-kwistjoni ġrat f’lokalità oħra kien ikun hemm l-istess reazzjoni, Seychell imur oltre’ u jallega illi “kull min jgħix Buġibba jaf li s-sitwazzjoni f’ċerti nħawi saret tal-biża’. U għalhekk ma jridux li tiġi aċċettata l-applikazzjoni għall-Moskea,” kompla jsostni, anke jekk skont il-Kunsill Lokali r-raġuni għall-oppożizzjoni huwa l-parkeġġ u għax il-post in kwistjoni huwa żgħir.

“Xogħol il-Kunsill,” iżid Mallia minn naħa l-oħra “huwa li jisma’ lir-residenti pero jeħtieġ ukoll li jirrapreżenta lir-residenti kollha, inkluż dawk il-ħafna residenti li huma Muslmani, mhux għandna sitwazzjoni fejn min jgħajjat l-aktar jasal u jirbaħ.”

Moskea waħda mhux biżżejjed...?

Fost dawk il-persuni li tkellmu mal-ILLUM f’vox pop ippublikat il-ġimgħa l-oħra, kienu bosta dawk ir-residenti ta’ Buġibba illi sostnew kif ladarba l-Musulmani għandhom Moskea f’Raħal Ġdid, allura m’hemmx bżonn ta’ oħra.

Għal dan, il-Kap tal-Kulleġġ St.Albert jwieġeb hekk: “Allura skużi, aħna għalfejn għandna r-Rotunda, u l-Kon Katidral u l-Bażiliki?” Meta ippreżentat bir-risposta komuni għall-mistoqsija tiegħu, jiġifieri li pajjiżna huwa wieħed predominentement Kattoliku, Mallia qal illi “kieku aħna verament kattoliċi nkunu ħafna iktar miftuħin fil-ħsieb għal ħaddieħor. Għalhekk ftaħna l-Kulleġġ għal dawk il-Musulmani li jridu jitolbu, biex naffermaw l-istess identità tagħna,” temm jgħid mal-ILLUM Mallia.

 

More in Socjali