
Filmat | Għinna Ntiru…
L-ILLUM iżżur ir-Riserva Naturali tas-Simar u tesperjenza x-xogħol u t-tagħlim li l-BirdLife qed tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.
minn Ruben Anthony Xuereb

Xogħol il-BirdLife mhux biss li jipproteġu l-ħajja tal-għasafar…
Ħafna nies għandom l-idea li l-BirdLife teżisti purament biex topponi l-kaċċa u tagħmel kampanji il-protezzjoni tal-għasafar. Minkejja li l-għasafar huma fiċ-ċentru ta’ kull ma tagħmel il-BirdLife, xogħol l-organizzazzjoni jkopri l-ekosistema kollha u kull aspett tal-ambjent li jeffetwa l-għasafar.

Infatti, fir-riservi naturali tal-BirdLife, bħall ma hi dik tas-Simar fix-Xemxija, jintlaħqu tliet aspetti li huma l-bażi tax-xogħol ta’ din l-organizzazzjoni
L-ewwel aspett, u forsi l-aktar wieħed ovvju huwa dak tas-santwarju innifsu, bħala riserva li toffri abitat naturali li jattira l-għasafar lejh sabiex ikunu jistgħu jistrieħu waqt il-waqfa tagħhom Malta, li hija waħda strateġika u mportanti fir-rotta migratorja bejn l-Ewropa ta’ fuq u l-Afrika. Fis-sigurtà tas-santwarju, l-għasafar ikunu jistgħu jistrieħi, kif ukoll jieklu u jixorbu sabiex isostnu ruħhom għall-bqija tal-vjaġġ. Għal ċerti tipi t’għasafar parikolari, il-waqfa tagħhom f’Malta saħansitra sservi biex dawn jbejtu hawn ukoll, jekk isibu l-kundizzjonijiet favorevoli, bħal ma fitfatt joffru s-santwarji.
Mis-Santwarju lura fl-ajru
Waqt li l-għasafar ikunu fis-santwarju, jidħol fis-seħħ it-tieni aspett tax-xogħol tal-BirdLife, li huwa dak xjentifiku. Waqt li jkunu fis-santwarju, numru ta’ għasafar jiġu maqbuda fi xbieki speċjali, li minnhom, fi żmien qasir ħafna, ħaddiema tal-organizzazjoni imħarrġin apposta fl-immaniġjar sigur tal-għasafar, joħorġuhom mix-xbieki u permezz ta’ ftit eżaminazzjonijiet sempliċi, jiddeterminaw l-istat tas-saħħa tal-għasfur, id-daqs, il-piż u l-età tiegħu. Din l-informazzjoni tintuża biex jiġu studjati l-mudelli tal-immigrazzjoni f’Malta. Qabel jerġa jiġi mtajjar, l-għasfur jitqiegħdlu ċurkett ta’ identifikazzjoni ma saqajh, abbinat mal-informazzjoni li tkun ittieħdet fuqhu hawn Malta. In-numru fuq iċ-ċurkett iservi bħala identifikazzjoni anke jekk l-għasfur jiġi studjat lura fl-Ewropa ta’ fuq jew mal-wasla tiegħu fxi riserva fl-Afrika.
L-edukazzjoni fis-Simar
Aspett ieħor importanti ħafna huwa dak edukattiv, fejn fis-santwarju tingħata l-opportunità li jiġu osservati l-għasafar fl-abitat naturali tagħhom. Infatti fir-riserva tas-Simar isiru ħafna żjarat skolastiċi fejn waqthom it-tfal jitgħallmu dwar il-migrazzjoni u l-bżonnijiet tal-għasafar meta jieqfu jistrieħu hawn Malta.

Waqt li tkellem mal-ILLUM, il-President tal-BirdLife, Darryl Grima, spejga kif illum, it-tfal għandom nuqqas kbir ta’ kuntatt man-natura u meta jżuru r-riserva jitgħallmu li dan il-kuntatt huwa aċċessibli għalihom ukoll.
Waqt dawn iż-żjarat, it-tfal jitgħallmu li huma stess jistgħu joħolqu ambjent naturali anke b’affarijiet sempliċi bħall-bini ta’ xi ‘bird table’ żgħira u billi jiġu mħajjra jħawlu u jieħdu ħsieb xi pjanti, biex b’hekk joħolqu naqra ambjent naturali f’darhom stess.
Dan iseħħ permezz ta’ proġetti bħal ‘Proġett Dinja Waħda’, li fih jieħdu sehem 85% tal-iskejjel primarji ta’ Malta u li l-kollaborazzjoni ma’ BirdLife issa saret ukoll parti mill-kurrikuli tal-iskejjel. Bħala parti mill-proġett, ħafna skejjel ħolqu ġnien fl-iskola stess, bħala riserva naturali żgħira, li sservi wkoll biex iddakkar fl-istudenti l-mentalità ta’ qari u apprezzament tan natura.

Bħala parti mill-proġett, l-iskejjel jidħlu f’sistema ta’ punti, li jakkwistaw mill-attivitajiet li jagħmlu. Permezz tal-punti, l-iskejjel jikkompetu ma’ xulxin fuq min iħejji l-isbaħ gnien jew l-aħjar ‘bird table’, fost affarijiet oħra.
Il-proċess tal-edukazzjoni jieħu ż-żmien, u bil mod il-mod, il-ġenerazzjonijiet żgħar tal-llum, qed jitilgħu aktar konxji tal-ambjent ta’ madwarom u l-preservazzjoni tal-ħajja tal-għasafar.
Ir-riżultat tar-referendum tana tama għall-futur
Meta mistoqsi dwar x’taħseb il-BirdLife fuq ir-riżultat tar-referndum dwar il-kaċċa li sar is-sena li għaddiet, Grima saħaq li minkejja li r-referendum ma rriżultaz fl-għeluq tal-istaġun, kif xtaqu, dan intilef biss b’2000 vot. Grima qal li għal BirdLife dan xorta wera rebħa u tama, għax fejn qabel ma’ kienx hawn xejn edukazzjoni dwar il-protezzjoni tal-għasafar, is-sena l-oħra kien hawn biżżejjed biex inkiseb riżultat daqshekk viċin. Minkejja li l-istaġun ma ngħalaqx, qal Grima, hemm tama għall-futur għax ħafna nies ivvotaw kontra.
Bħalissa l-Bird Life Malta nediet kampanja ġdida ta’ sħubija li jisimha ‘Għina ntiru’. Din is-sena, il-kampanja se tkun attiva ħafna, u se tiffoka dwar il-fatt li l-BirdLife ma tiffokax biss fuq l-aspett direttament relatat mal-għasafar biss, iżda dwar iċ-ċiklu tal-ħajja kollhu ta’ madwaru.

Permezz tal-fondi miġburin mill-iskema ta’ sħubija ‘Għina Ntiru’, jiżdiedu l-fondi sabiex BirdLife tkun tista’ tibqa’ tagħmel xogħolha fir-rigward tal-protezzjoni tal-għasafar u l-mantniment tar-riservi naturali mmexxija minnhom, bħal dik tas-Simar fix-Xemxija. B’aktar membri u aktar finanzi, BirdLife tkun tista’ żżid il-kapaċità tagħha biex tirreplika s-suċċess f’żoni oħra ta’ habitats naturali.
Meta wieħed isir membru mall-BirdLife, apparti li jgħin finanzjarjament, ikun sar parti mill-familja tal-BirdLife, bil-għan li tinħloq struttura ambjentali, isir aktar ‘lobbying’ u jinxterdu aktar il-messaġġ u l-filosofija tal-grupp.


