Iżgħar minn 13-il sena, u diġà fis-sakra
41% tal-bniet jammettu li kienu fis-sakra xi darba jew oħra, u dan meta mqabbel mal-35% tas-subien tal-istess età
minn Veronica Lynn Mizzi
Riċentament, b’diversi każi ta’ żgħażagħ taħt l-età jiffrekwentaw postijiet ta’ divertiment u bars bi preżenza għolja ta’ xorb, anke jekk dan suppost mhuwiex legali, wieħed m’għadux jistagħġeb li jsiru dawn l-affarijiet.
Fil-fatt, 8% tal-istudenti li għandhom bejn 15 u 16-il sena, sikru, minn tal-inqas darba qabel ma laħqu l-età ta’ 13. Iktar minn hekk, uħud minnhom kienu sikru meta kellhom inqas minn 9 snin.
Din l-istatistika toħroġ minn stħarriġ, magħruf bħala ESPAD – European School Project on Alcohol and Other Drugs, li sar fost iktar minn 3,000 student ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, li allura jkopri studenti minn fost 57 skola, u 78% tal-popolazzjoni studenteska li twieldet fis-sena 1999.
L-istess stħarriġ jindika li l-bniet għandhom tendenza li jkunu iktar familjari max-xorb alkoħoliku u saħansitra li jiskru. Fil-fatt, 41% tal-bniet jammettu li kienu fis-sakra xi darba jew oħra, u dan meta mqabbel mal-35% tas-subien tal-istess età. It-tfajliet ukoll stqarrew li fit-30% tagħhom, dawn kienu ħadu xarba alkoħolika fis-sebat ijiem ta’ qabel, waqt li l-ġuvintur kienu fis-27% tagħhom.
Min-naħa l-oħra, wieħed irid iqis li dawn iż-żgħażagħ jakkwistaw dan ix-xorb minn xi mkien, kemm jekk huwa supermarket, bar, jew anke mid-dar.
Dwar dan, kienu 85% ta’ dawn it-tfajliet u ġuvintur li saħqu li huwa verament faċli jew relattivament faċli li jakkwistaw l-alkoħol, minkejja li huma taħt l-età legali tax-xiri u konsum. L-istess stħarriġ jindika li fit-30 ġurnata ta’ qabel, kienu ftit inqas minn 40% l-istudenti li kienu xtraw l-alkoħol għall-konsum tagħhom minn xi ħanut, u mal-50% tagħhom xtraw xi xorb minn stabbilimenti tad-divertiment bħal discos u bars.
Minħabba l-istat ta’ sokor li jkunu jisabu fih, diversi żgħażagħ irrappurtaw kif kellhom diversi inċidenti u problemi b’konsegwenza ta’ dan. Fi tweġiba għal mistoqsija partikolari, l-istudenti semmew kif konsegwenza tal-fatt li huma kienu fis-sakra, kienu involuti f’diversi problemi, bl-iktar waħda komuni kienet li jitilfu jew jinkisrulhom diversi oġġetti. Problemi oħra li semmew kienu li jidħlu f’argumenti jew ġlied serju, iweġġgħu, ikollhom l-inkwiet mal-pulizija, jew kienu vittma ta’ xi serq. Issemma wkoll kif persentaġġ minn dawn iż-żgħażagħ kienu parteċipi f’attivitajiet sesswali mingħajr protezzjoni, bit-total tagħhom ilaħħaq ftit inqas minn 6%.
Ta’ min wieħed jinnota li anke hawn, ir-rata ta’ tfajliet kienet ogħla minn dik tal-ġuvintur, bit-total ta’ tfajliet li kellhom xi waħda jew iktar minn dawn il-problemi jlaħħaq id-29% meta mqabbel mal-25% tal-ġuvintur.
36% ingħataw fastidju fil-pubbliku minn xi ħadd fis-sakra
Inkwetanti wkoll huwa l-fatt li anke jekk dawn l-istudenti ma xorbux, xorta waħda rrappurtaw kif kienu involuti fi problemi minħabba li ħaddieħor kien qed jixrob. Dan jidher fin-numru ta’ studenti li semmew kif kawża tax-xorb u s-sokor ta’ ħaddieħor, huma ngħataw fastidju f’xi post pubbliku (36%) jew anke waqt xi party jew post privat (40%), waqt li 32% qalu li kienu mbeżża’ fit-toroq, għall-istess raġunijiet.
Faċli tisker ta’ 13-il sena...
Meta din il-gazzetta tkellmet dwar din ir-realtà ma’ Anthony Girard li huwa social worker fi ħdan il-Caritas Malta, huwa qal li hija xi ħaġa komuni li żgħażagħ żgħar jippruvaw jesperimentaw b’xi ħaġa, ġeneralment alkoħol jew sigaretti.
Meta mgħarraf dwar din l-istatistika u li kien hemm tfal ta’ inqas minn 13-il sena li qalu li kienu saru fis-sakra, Girard sostna wkoll li sabiex persuna ta’ 13-il sena jew inqas issir fis-sakra, ma tirrikjedix ammonti kbar ta’ xorb minħabba li l-ġisem ma jkunx imdorri għalih, u għaldaqstant l-effett ikun iktar malajr.
Meta mistoqsi dwar jekk dawn il-każijiet humiex mera tal-futur u forsi jikxfu xi tendenzi li jaf ikollhom l-istess żgħażagħ iktar ’il quddiem, Girard qal li sabiex din il-problema ssir vizzju jew issir xi ħaġa ta’ abitudni, tiddependi minn bosta fatturi, fosthom huwa l-fatt li huma jkunu predisposti u mdorrijin joqogħdu f’ambjenti fejn l-alkoħol huwa xi ħaġa komuni. Semma wkoll kif l-aċċess faċli għall-alkoħol u anke ambjent ta’ indifferenza mill-familja, jista’ jwassal sabiex l-alkoħol issir abitudni.
Fl-esperjenza tiegħu, Girard jgħidilna li fejn jidħlu żgħażagħ ta’ 15-16-il sena, is-sitwazzjoni tinbidel, għaliex jekk dawn it-tfajliet u ġuvintur ikunu mdorrijja f’ambjenti bix-xorb sa mill-età ta’ 13 jew anke qabel, din tista’ tirriżulta fi problema meta dawn jikbru iktar. Għaldaqstant, Anthony Girard iħeġġeġ li jekk tibda tidher li hemm xi inklinazzjoni lejn xorb żejjed b’mod regolari, hemm bżonn li wieħed jevalwa s-sitwazzjoni b’iktar serjetà sabiex jara x’inhu jiġri u għalfejn.