'Ma tgħaddix ġurnata li ma nħossux in-nuqqas tiegħek, pa.' Hekk saħaq Jan Chircop, iben it-tabib u l-eks-Deputat Laburista Karl Chircop li ħalla din id-dinja bħal lum tmien snin ilu eżatt. F'messaġġ emozzjonanti ħafna li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook Jan jispjega kif bħala familja iħossu n-nuqqas tal-gwida u l-imħabba ta' "tabib eċċellenti, politiku li kien sensittiv u jinteressah minn nies u missier eżemplari u li dejjem wera' rispett.'
Chircop jispjega kif tul dawn l-aħħar tmien snin, hu flimkien mal-familja tiegħu sabu l-faraġ f'xulxin u f'tant nies li appoġjawhom. Hu jappella biex meta ħaddieħor ikun għaddej minn mument diffiċli, ma jibżax ikun dik l-ispalla u l-id tal-ħbiberija, "għax dak li tagħti lill-ħaddieħor huwa imprezzabbli u jagħmlek persuna aħjar."
Karl Chircop kien beda l-karriera politika tiegħu fil-Forum Żgħażagħ Laburisti sakemm ikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-1996 fuq ir-raba' distrett u kien elett MP fl-età ta' 31 sena. Huwa kien appuntat fil-Kunsill Ewropew fil-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u Ekonomiċi, fejn kien imexxi d-delegazzjoni Maltija.
Ftit wara li kien għalaq 43 sena Chircop ħalla din id-dinja u ħalla pajjiż u speċjalment lill-Partit Laburista f'luttu.