Imnedija l-attività Lejl f’Casal Fornaro

Din is-sena se tkun l-għaxar edizzjoni tal-attività

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-AnnimaliRoderick Galdes illum nieda l-għaxar edizzjoni tal-attività kulturaliLejl f’Casal Fornaro, li se ssir f’ Ħal Qormi nhar is-Sibt 15 t’ Ottubru 2016.

Galdes faħħar din l-attività u żied jgħid illi din se terġa’ tkun suċċess minħabba li din tixhed x-xogħol tradizzjonali u artiġjanali Malti. Kompla jgħid li l-Maltin qegħdin ikomplu juru x-xewqa tagħhom li jmorru lura għall-għeruq tradizzjonali tagħhom. Hu rrimarka li l-ħobża Maltija baqgħat imfittxija minn kulħadd u tagħmel parti mid-dieta Mediterranja.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid kif il-Ministri li se jkunu preżenti f’Malta għall-attivitajiet tal-Presidenza fil-bidu tas-sena 2017 ukoll se jkollhom l-opportunita’ li jduqu l-ħobża Maltija.

Keane Pace, is-Segretarju tal-Kumitat Żgħażagħ Bastjaniżi, li minnhom hija organizzata din l-attività spjega kif illum il-ġurnata din l-attività hija mifruxa fuq għoxrin triq differenti madwar Ħal Qormi. Hu qal li din l-attività dejjem ġiet mtella’ miż-żgħażagħ li jħossu l-bżonn li jgħallmu lil ta’ warajhom dwar il-kultura u t-tradizzjoni.

Għal din it-tnedija kien hemm ukoll preżenti is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar, fejn qalet li s-sigriet wara s-suċċess ta’ din l-attivitàdejjem kien l-atmosfera li tinħoloq grazzi għall-bżulija ta’ dawn iż-żgħażagħ li jorganizzaw din l-attività.

L-attività se tinkludi diversi esebizzjonijiet ta’ artiġjanat u tal-arti, divertiment b’diversi baned u għana, kompetizzjonijiet u ikel Malti.

More in Socjali