Filwaqt li faħħret l-inizjattiva tal-Ministru Owen Bonniċi, fir-rigward ta' miżuri għal aktar sigurtà fis-sewqan, l-avukata u opinjonista Anna Mallia, ħarġet b'numru ta' suġġerimenti u ideat oħra li skont hi jkunu ta' vantaġġ għas-sigurtà u l-ordni fit-toroq Maltin.
Fost dawn il-proposti li jinkludu aktar responsabbiltà mogħtija lill-gwardjani lokali u sistema aħjar ta' infurzar u multi għas-sewwieqa, proposta minn ta' Mallia li spikkat fuq l-oħrajn kienet is-suġġeriment li għamlet dwar l-introduzzjoni ta' sistema ta' multi anke għall-'pedestrians' u s-sewwieqa tar-roti.
Fl-opinjoni tagħha fuq il-gazzetta l-orizzont, Mallia tgħid li għas-sigurtà fit-triq ikun sew jekk ma' jistgħux jitħallew aktar nies jaqsmu t-triq bl-addoċċ, mingħajr ma' jużaw l-istrixxi jew it-'traffic lights'. Bħal ma s-sewwieqa jeħlu multa jekk isuqu meta d-dwal ikunu ħomor, l-istess għandu jkun għal min jaqsam meta s-sinjal jgħid bil-kontra.
Mallia semmiet ukoll nuqqasijiet koroh li jagħmlu ħafna ċiklisti, u li għalihom haqqhom jaqilgħu ċitazzjoni. Sewwieqa ta' roti li jsuqu fuq il-bankini jew kontra d-direzzjoni tat-traffiku.
L-opinjonista tissuġġerixxi nfatti li d-dixxiplina m'għandix tkun limitata għas-sewwieqa tal-vetturi biss, u li l-Pulizija u l-gwardjani lokali jingħataw is-setgħa li jagħtu wkoll multi liċ-ċiklisti u n-nies li b'għemilhom jipperikolaw it-toroq ukoll.