Fis-sena skolastika 2015-2016 kienu rrapurtati b’kollox 404 każ ta’ bbuljar bejn l-istudenti. Minn dawn, il-maġġoranza assoluta, jew 389-il każ, kienu rrapurtati fi skejjel tal-istat. Fl-iskejjel tal-Knisja kienu rrapurtati 13-il każ, filwaqt li fi skejjel privati kienu rrapurtati bizz żewġ każijiet.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo b’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri żvelati fil-Parlament fakkar li dawn il-każi, bħal kull każ ieħor ta’ bbuljar fl-iskejjel jittieħdu diversi miżuri, fosthom sessjonijiet ta’ counselling u guidance, sessjonijiet mal-psikologi kif ukoll mas-social workers. Dan apparti, kompla jfakkar Bartolo, li l-Anti-Bullying Team iżuru l-iskejjel u jsegwu miżuri u proċeduri stabbiliti.
Intant, din il-ġimgħa fil-Parlament, Bartolo żvela wkoll kif is-sena l-oħra żewġ studenti tfajliet kellhom jieqfu mill-iskola hekk kif inqabdu tqal fl-età tenera ta' 13-il sena. Dawn iż-żewġ tfajliet kellhom minflok jattendu s-servizz Għożża li jipprovdi servizz ta' appoġġ u programm edukattiv lil minuri li joħorġu tqal.
Bartolo kien qed jirrispondi mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Laburista Anthony Aguis Decelis.