Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Gordon Caruana Dingli kien kritiku ħafna tal-kummenti li għadda Serracino Inglott, fejn iddeskriviehom bħala “mhux sostanzjati” u li “tirriskja li ttappan ir-reputazzjoni tal-professjoni medika kollha.”
Minkejja dan, Seraccino Inglott iċċara li huwa kien qed jgħid dan f’risposta għal kummenti li għaddew il-gruppi pro-life li l-kontraċettivi bħall-Morning After Pill huma abortivi. “Jien li għidt huwa li l-kontraċettivi ta’ emerġenza jnaqqsu r-rata tal-abort. Numru ta’ nisa Maltin xorta waħda jmorru barra minn Malta biex jagħmlu abort...u kieku ma jkollhomx għalfejn jagħmlu dan kieku kien hawn il-Morning After Pill.”
Rigward id-dispożizzjoni tal-Morning After Pill u l-bejgħ tagħha mill-maġġoranza tal-ispiżeriji, bosta persuni li kienu qed jopponu għad-disponibbiltà tagħha qegħdin jipproponu li jkun hemm bojkott fuq dawk l-ispiżeriji u l-ispiżjara li ma jsibu l-ebda oġġezzjoni li jagħtu din il-pillola. Fil-fatt, fuq Facebook, diversi persuni li l-maġġoranza tagħhom huma membri ta’ gruppi li kienu qed jopponu l-introduzzjoni ta’ dan il-kontraċettiv ta’ emerġenza, ħolqu grupp li fih qed jappellaw li għandu jinżamm id-dritt tal-ispiżjar li jirrifjuta li jagħti l-MAP lil min jeħtieġha. F’dan l-istess grupp, xi persuni ħarġu bl-idea li jsir bojkott fuq dawk l-ispiżeriji li jiddeċiedu li jbigħu dan il-kontraċettiv, u ma jmorrux jixtru mit-tali spiżerija.
Intant, iċ-chairman tal-Awtorità tal-Mediċini appella lill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom din il-pillola ta’ emerġenza fl-Isptar Mater Dei sabiex tkun tista’ tingħata lil nisa li spiċċaw vittma ta’ stupru.