Iktar minn 3,000 persuna b’pensjoni kontributorja f’San Pawl

€6,400 f’benefiċċji lil tal-Belt u l-Furjana kull sena

 

Studju ppubblikat mill-NSO juri kif il-Belt u l-Furjana jibqgħu l-aktar lokalitajiet b’nies li jirċievu benefiċċji soċjali, is-Swieqi fost l-inqas

Inqabblu lil pajjiżna ma’ blata żgħira f’nofs il-Mediterran. Imma minkejja ċ-ċokon, id-differenzi soċjali jibqgħu aċċentwati sew, u ġeografikament ikkonċentrati wkoll. Minn rapport li għadu kif ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li fl-2014, l-istat ħareġ ras għal ras, €3,170 f’benefiċji soċjali ta’ kull tip, inkluż pensjonijiet, lill-5,700 resident fil-Belt Valletta. Din iċ-ċifra hija biss inqas minn dik tal-ġirien Furjaniżi, li fl-2014, ras għal ras, swew €3,216 f’benefiċċji soċjali.

Dan b’kuntrast qawwi mal-lokalità tas-Swieqi li fiha, ras għal ras il-Gvern ħareġ €1,136 lil 11,500 resident.

Fl-2014, in-nefqa totali f’servizzi soċjali li marru għal residenti tal-Belt Valletta laħqet it-€18-il miljun, dik tal-Furjana €6 miljuni, filwaqt li l-istess nefqa fil-lokalità tas-Swieqi kienet ta’ €11.5 miljun. Flimkien mal-Belt Valletta u l-Furjana, l-akbar nefqiet f’benefiċċji soċjali jibqgħu fil-Kottonera, fejn fl-2014 ras għal ras, f’Bormla intefqu €2,887, fl-Isla €2,756 u l-Birgu €2,834. Lokalitajiet oħrajn fejn in-nefqa fuq benefiċċji soċjali hija għolja jinkludu l-Ħamrun, fejn intefqu €2,905 ras għal ras f’benefiċċji soċjali u Tas-Sliema, b’€2,414.

Fost il-lokalitajiet fejn l-inqas li kienet in-nefqa f’servizzi soċjali ras għal ras, hemm Ħal Balzan b’€1,195, Marsaskala b’€1,250, il-Għargħur b’€1,329, Birżebbuġa b’€1,339 u l-Mosta b’€1,550. 

L-ILLUM ħarset lejn ħames lokalitajiet...

L-ILLUM tat ħarsa fid-dettall lejn ir-rapport ‘Il-Protezzjoni Soċjali: Malta u l-UE’ ippubblikat din il-ġimgħa (minn fejn qed jiġu kwotati u jinħadmu dawn iċ-ċifri) u qabdet lokalità minn kull żona. Il-Belt Valletta miż-żona tan-Nofsinhar tal-Port, is-Swieqi, miż-żona tat-Tramuntana tal-Port, iż-Żejtun miż-żona tax-Xlokk ta’ Malta, Ħ’Attard miż-żona tal-Punent u San il-Pawl il-Baħar mit-Tramuntana.

Fl-2014 kienu b’kollox 322 persuna, jew 5.6% tal-popolazzjoni, li tirċievi benefiċċji relatati mal-qgħad. Dan ifisser li r-rata ta’ nies qegħda fil-belt kapitali hija ftit ogħla mill-medja nazzjonali ta’ madwar 4%. Għall-kuntrarju, fis-Swieqi huma biss, 0.8% dawk li jieħdu xi forma ta’ benefiċċju relatat mal-qgħad, ħafna inqas mill-medja nazzjonali. Eqreb għall-medja nazzjonali tal-qgħad huwa San Pawl il-Baħar, li jinkludi Buġibba, il-Qawra u anke x-Xemxija, hekk kif hawnhekk hija 3.3% tal-poplazzjoni li tgawdi minn benefiċċji relatati mal-qgħad. Sal-2014 kienu 2.2% dawk iż-Żwieten li huma eleġibbli għall-benefiċċji tal-qgħad, filwaqt li fil-lokalità ta’ Ħ’Attard jerġa’ jinżel għal-livelli baxxi ħafna tas-Swieqi, jew 0.8%.

Iktar minn 3,000 persuna b’pensjoni kontributorja f’San Pawl

Il-prevalenza ta’ dawk li jirċievu pensjonijiet kontributorji hija ogħla fin-naħa t’isfel ta’ Malta milli fin-naħa ta’ fuq, dan anke jekk f’San Pawl il-Baħar hemm madwar 3,300 li jirċievu pensjonijiet non-kontributorji, jew ħlas lil dawk li ma jkunux jistgħu jew qatt ma setgħu jaħdmu. Fiż-Żejtun, dan l-ammont huwa ta’ 2,420 li fil-fatt jirrapreżenta persentaġġ ikbar minn San Pawl minħabba li l-popolazzjoni fiż-Żejtun fl-aħħar tal-2014 kienet ta’ 11,226, filwaqt li dik ta’ San Pawl u l-lokalitajiet kollha taż-żona jlaħħqu s-17,791.

Il-Belt Valletta terġa’ tiġi fl-ewwel post, bl-aktar lokalità bħala persentaġġ, b’persuni li għandhom din it-tip ta’ pensjoni. Huma iktar minn 1,150 Belti jew Beltija, li fil-fatt jieħdu pensjoni non-kontributorja. Dan jirriżulta f’20% tal-poplazzjoni f’din il-lokalità.  

Fost l-ifqar...fost l-aktar sinjur    

Iż-żona madwar il-Belt Valletta, li tinkuludi wkoll il-Furjana, il-Kottonera, il-Ħamrun u l-Marsa, hija ż-żona li l-aktar tilqa’ fiha nies li jibbenefikaw minn benefiċċji relatati mal-esklużjoni soċjali. Fil-fatt, f’dawn il-lokalitajiet kollha msemmija, l-ammont ta’ nies li jieħdu dawn il-benefiċċji dejjem jaqbeż il-120 minn kull 1,000 persuna. Fil-Belt Valletta sal-2014 kien hemm 940 persuna li jibbenefikaw minn għajnuna ta’ esklużjoni soċjali, 759 f’Bormla,  278 fil-Furjana, 275 fil-Birgu u 369 fl-Isla. In-numru jitla’ sew, għalkemm il-persentaġġ mill-popolazzjoni totali tonqos fil-Ħamrun fejn hemm 1,110 benefiċċjarju, Ħal Qormi b’1,369  u Birkirkara b’1,522.

Skont l-istess ċifri fl-2014, il-pajjiż ħareġ spiża ta’ €1.5 biljun f’servizzi soċjali, jew 18.8% tal-Prodott Gross Domestiku.          

More in Socjali