Laboratorju ġdid għad-dentistrija, f’San Vinċenz
Dan il-laboratorju jiġi wara l-ftuħ ta' klinika f'Ġunju li għadda
More in Socjali
Dan il-laboratorju jiġi wara l-ftuħ ta' klinika f'Ġunju li għadda
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana llum inawgurat laboratorju ġdid għad-dentistrija fil-faċilità ta’ kura fit-tul, San Vinċenz de Paul. Dan il-laboratorju, li sar bil-kollaborazzjoni tal-Fakultà tad-Dentistrija tal-Università ta’ Malta, flimkien mal-Amministrazzjoni ta’ San Vinċenz, ikompli jżid mas-servizzi professjonali f’dan il-kumpless li jilqa’ fih 1,200 residenti anzjani.
Caruana fakkret fil-ftuħ tal-klinika f’Ġunju tas-sena li għaddiet, u li kienet parti mill-Geriatric Dental Teaching Unit. Żiedet li l-fejda tal-proġett tidher mill-fatt li mindu nfetaħ sena ilu, madwar 300 pazjent minn fost ir-residenti, kif ukoll oħrajn minn djar oħra tal-anzjani, ingħataw kura u servizzi oħra. ‘‘Flimkien ma’ bosta proġetti oħra, dan hu parti mill-ħidma tagħna biex inkomplu nittrasformaw dan il-kumpless f’ċentru ta’ eċċellenza fil-kura tal-anzjani u fit-taħriġ meħtieġ għall-ħaddiema u l-professjonisti li jipprovdu dan is-servizz’’, qalet is-Segretarju Parlamentari.
Il-laboratorju l-ġdid se jkompli jtejjeb il-kwalità ta’ kura u jestendi s-servizz b’apparat tal-aħħar teknoloġija. Dan il-laboratorju huwa speċjalizzat fil-ġerentoloġija u l-apparat li se jintuża juri l-progress li sar f’dan il-qasam u dak li hu previst għall-quddiem. Fost dettalji oħra, Caruana fissret li issa t-tiswijiet ma jeħdux aktar minn 24 siegħa, u se ssir identifikazzjoni aħjar u duplikazzjoni tad-dentaturi biex jitnaqqas l-inkonvenjent għall-pazjenti.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li x-xogħol biex tlesta dan il-laboratorju kien akkumpanjat minn tagħlim u taħriġ speċjalizzat fost l-impjegati, għal żvilupp professjonali kontinwu. ‘‘B’investiment qawwi fit-taħriġ lill-ħaddiema, inkunu qed niżguraw aktar effiċjenza u progress kontinwu fis-servizzi li nipprovdu’’, qalet Caruana.
Dan il-laboratorju, kumplimentari għall-unit ta’ kliniċi f’din il-Faċilità ta’ San Vinċenz, se jkompli jgħin biex l-istudenti mill-fakultà tal-Università jkollhom esperjenza diretta f’dan il-qasam f’ambjent professjonali u jitgħallmu dwar sistemi ta’ kura varjata għall-anzjani. Investiment ieħor kien fl-edukazzjoni dwar il-kura tad-dentaturi biex wieħed jinqeda kemm jista’ jkun tajjeb minnhom u jżommhom f’kundizzjoni tajba.
‘‘Sitt xhur ilu nbdiet sistema ta’ outreach fir-residenza permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni lill-carers u lir-residenti nfushom. Din hi kontinwazzjoni tal-edukazzjoni li min-naħa tal-Università ġiet introdotta outreach fil-komunità għall-istudenti f’korsijiet varji fil-Fakultà tad-Dentistrija. Ta’ min jgħid li din hi l-ewwel darba li qiegħda ssir fl-Ewropa bħala outreach fit-teknologija dentali’’. Justyne Caruana kkonkludiet billi rringrazzjat lis-Sur Mario Zarb, lil Profs Nikolai Attard u lill-ħaddiema kollha ta’ San Vinċenz tax-xogħol impekkabbli li għamlu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz, Josianne Cutajar, fissret li bħala studju pilota, s’issa ntlaħqu għaxar swali b’iżjed minn 130 carer u nurses u ngħataw dimostrazzjonijiet f’erba’ swali lill-pazjenti. Dawn kienu suċċess kbir u ntlaqgħu b’entużjażmu minn kulħadd. ‘‘Għal dan il-għan kellna gruppi ta’ sitt professjonisti fit-teknoloġija li volontarjament offrew li jidħlu għal dan l-impenn’’, qalet Cutajar.
Is-Sur Mario Zarb ta dettalji dwar ix-xogħol li sar u rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana li tat permess biex isir dan il-laboratorju f’San Vinċenz.