Mill-ewwel ta’ Novembru, il-forti Sant Anġlu se ikun miftuħ għall-pubbliku kuljum wara li partijiet kbar minnhu ġew restawrati f’dawn l-aħħar snin.
Minbarra l-aċċess għall-forti storiku nnifsu, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jgawdu l-veduta tal-port il-kbir minn anġolu u direzzjoni li ma kienitx aċċessibli għal kulħadd għal numru twil ta’ snin.
Il-proġett ta’ ristawr li sewa €14.5 miljun ġie inawgurat fl-2015. Minn dak iż-żmien l’hawn fil-forti ġew organizzati numru ta’ attivitajiet , inkluż il-laqgħa tal-53 mexxejj tal-pajjiżi tal-Commonwealth li kienu hawn Malta waqt il-laqgħa taċ-CHOGM kważi bħal daż-żmien sena.
Mibni f’pożizzjoni dominanti fil-ponta tal-Birgu. il-forti Sant Anġlu, il-protagonista tal-Assedju l-kbir tal-1565, għandu valur storiku ferm importanti għal Malta minbarra li huwa wieħed mill-aktar binjiet prominenti u majestużi fil-port.
Il-forti se jkun miftuħ mid-9:00 ta’ filgħodu sal 5:00 ta’ filgħaxija. Il-prezz tal-biljetti għad-dħul se jkun ta’ €8 għall-adulti, €5 għall-anzjani u l-istudenti u €3 għat-tfal. Il-Viżitaturi jistgħu jakkwista wkoll il-‘Biljett għall-Birgu’ li jagħti aċċess
Għal tliet siti ta’ Heritage Malta fil-Birgu, li huma l-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu u l-forti Sant Anġlu, għall-prezz ta’ €13 għall-adulti, €9 għall-anzjani u l-istudenti u €7 għat-tfal.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit ta’ Heritage Malta fuq, www.heritagemalta.org