'Il-Franċiż' jipproponi tliet torrijiet flok il-Jerma

Proposti wkoll park pubbliku u promenade mad-dawra tal-25,000 metru kwadru ta' art reklamata

Park pubbliku u promenade huma proposti fost tliet torrijiet, fis-sit fejn bħalissa hemm il-bini abbandunat ta' dik li xi darba kienet il-lukanda Jerma f'Marsaskala. Il-proposta saret minn Porto Noto Ltd. li s-sid tal-kumpanija hua Charles Camilleri, magħruf bħala 'Il-Franċiż' u l-avukat Pierre Lofaro.

Il-gazzetta MaltaToday irrappurtat kif proposta li ntbagħtet għand l-Awtorità tal-Ippjanar turi wkoll pjanijiet sabiex tiġi reklamata biċċa art biswit is-sit tal-Jerma u b'hekk jiġi estiż ix-xatt, u tiġi mwaqqa' din il-lukanda. Il-proposta tindika li jkun hemm żewġ torrijiet residenzjali, wieħed ta' 44 sular u ieħor ta' 32. Dan filwaqt li jkun hemm lukanda ta' 22 sular, fuq medda ta' art reklamata kbira 25,000 metru kwadru.

Jekk dawn il-proposti jiġu aċċettati, se jkun hemm tibdil komplet fiż-żona, bil-ħolqien ta' lagoon kbir li jkollu l-bajja artifiċjali tiegħu. Se jkun hemm ukoll park pubbliku fuq parti mis-sit tal-Jerma li jestendi saż-żoni tat-torri ta' San Tumas, flimkien ma' parkeġġ pubbliku u promenade mad-dawra kollha taż-żona fuq il-parti reklamata.

Is-sindku tal-lokal fil-passat kien indika li huwa favur li tinbena akkomodazzjoni ta' lussu fiż-żona, anke jekk sostna li għandu jkun hemm diskussjoni formali fi ħdan il-Kunsill Lokali.

It-torrijiet proposti minflok is-sit tal-Jerma
It-torrijiet proposti minflok is-sit tal-Jerma

 

 

More in Socjali