Proposta żieda ta' aktar minn 10.5% fuq il-paga minima

Id-direttur tal-Caritas Leonid McKay jgħid li dan huwa bbażat fuq riċerka tal-Caritas

Diversi għaqdiet u entitajiet ingħaqdu flimkien taħt il-kappa ta' 'Kampanja Paga Minima Diċenti' u proponew li l-paga minima f'pajjiżna tiżdied b'10.5%. Dawn l-għaqdiet qalu li din iż-żieda trid issir fuq tliet snin, bil-paga tiżdied 3.5% kull sena, minbarra l-aġġustamenti tal-għoli tal-ħajja.

Il-Kampanja għall-paga minima diċenti ġiet imnedija dalgħodu u tiġbor fiha numru ta' għaqdiet fosthom Alleanza Kontra l-Faqar, Caritas, Forum Bormliż, Integra Foundation, Koperattiva Kummerċ Ġust, Malta Humanist Association, Mid-Dlam għad-Dawl, Millennium Chapel, Moviment Graffitti, Paulo Freire Institute, Peace Lab, The Critical Institute, Third World Group, Malta Microfinance, Aditus u Żminijietna - Voice of the Left.

Id-direttur tal-Caritas Leonid McKay sostna li dawn il-figuri u ż-żidiet proposti huma msaħħa b'riċerka mill-Caritas.

L-għaqdiet sostnew li b'żieda fil-paga minima, jkun qed iseħħ att ta' ġustizzja soċjali li twassal għal distribuzzjoni iktar ekwa tal-ġid. 

More in Socjali