FILMAT | ‘Tpejjep int… ipejpu uliedek’
It-tipjip fil-karozzi fil-preżenza ta’ tfal taħt is-16-il sena se jkun illegali u penalizzat. L-ILLUM tħares lejn l-effetti tas-‘second hand’ smoking fuq it-tfal u l-infurzar tal-liġi l-ġdida
minn Ruben Anthony Xuereb
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nieda uffiċjalment il-kampanja kontra t-tipjip fil-karozzi fil-preżenza tat-tfal, li se ssir effettiva minn Jannar tas-sena d-dieħla.
Kienet l-ILLUM li żvelat dan fil-ħarġa ta' lejliet il-Baġit fi storja li wasslet għal reazzjoni qawwija mingħand il-qarrejja, bil-maġġoranza tagħhom ikunu favur. Din il-miżura ddaħlet fil-Baġit fuq l-insistenza tal-Ministru Chris Fearne.
Malta se tkun is-sitt pajjiż tal-Unjoni Ewropea li se ddaħħal din il-leġiżlazzjoni, flimkien mar-Renju Unit, Franza, l-Italja, l-Irlanda u Ċipru, immirata biex tkompli l-ġlieda kontra t-tipjip passiv. Dan speċjalment fid-dawl ta’ żieda fl-inċidenza ta’ problemi respiratorji fit-tfal u fl-adolexxenti f’pajjiżna stess.
L-ILLUM tkellmet ma’ Paula Vassallo, Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, dwar l-effetti li t-tipjip iħalli fuq is-saħħa tat-tfal u dwar l-infurzar tal-liġi l-ġdida.
Miżura biex tagħti vuċi lit-tfal
“Nafu li meta wieħed ipejjep fil karozza, li hija spazju żgħir u ristrett, id-duħħan jibqa’ fiha u jeffetwa b’mod ħażin lil kull min ikun ġo fiha, speċjalment lit-tfal, li fl-età żgħira tagħhom, għandhom pulmun żgħir u immunità baxxa, jiġi effetwat b’mod aktar ħażin minn dak tal-adulti.”
Vassallo spjegat lil din il-gazzetta li fi studji li saru dwar l-effett tad-duħħan tas-sigaretti f’karozza, irriżulta li waqt li l-karozza tkun wieqfa, il-passiġġieri jkunu qegħdin jibilgħu duħħan 11-il darba aktar milli kieku jkunu f’bar fejn in-nies ipejpu (kieku dan kien permess bil-liġi), u 7 darbiet aktar waqt li l-karozza tkun miexja.
Fiċ-ċokon ta’ karozza, wieħed jista’ biss jimmaġina l-effett li dan id-duħħan valenuż iħalli fuq il-pulmun, speċjalment fuq dak tat-tfal, li għandhom pulmum zgħir u immunità baxxa.
Waqt li l-karozza tkun wieqfa, il-passiġġieri jkunu qegħdin jibilgħu duħħan 11-il darba aktar milli kieku jinsabu f’bar fejn in-nies ipejpu, u 7 darbiet aktar waqt li l-karozza tkun miexja
Minbarra l-effetti diretti relatati mas-saħħa, it-tfal m’għandhomx il-vuċi u l-jedd li jwaqqfu lill-adulti milli jpejjpu fil-preżenza tagħhom, għad-detriment ta’ saħħithom.
L-importanza tal-kampanja ‘You smoke… they smoke’ hija li tkun qiegħda tingħata protezzjoni u vuċi lit-tfal.
L-effetti ħżiena li jħallu s-sigaretti fuq it-tfal, ma jillimitawx ruħhom għall-ażma u problemi ta’ nifs biss, iżda anke periklu li dawn jiġu esposti għal riskji ta’ kanċer. Dan minħabba l-250 kimika tossika li hemm fid-duħħan, li 50 minnhom jistgħu jqabbdu l-kanċer. “Il-prevenzjoni hija dejjem aħjar mill-kura,” qalet Vassallo, “u għal tfal li m’għandhomx vuċi dwar it-tnaqqis tat-tipjip, se jkun hemm din il-kampanja biex tipproteġihom mill-effetti ħżiena tat-tipjip ‘second hand’.”
Se jsir taħriġ biex il-Pulizija u l-gwardjani lokali jinforzaw din il-liġi
Sa minn meta din il-gazzetta stess ħabbret din il-liġi qabel ma ġiet preżentata fil-baġit, ir-rispons tal-maġġoranza tan-nies kien pożittiv u bħala miżura ntlaqgħet tajjeb, peress li hija għall-benefiċċju tat-tfal. Iżda kampanja ta’ edukazzjoni biss, sfortunatament qatt mhi biżżejjed biex tinforza n-nuqqas ta’ tipjip fil-preżenza tal-minuri. Hu hemmhekk li tidħol il-liġi, l-infurzar min-naħa tal-forzi tal-ordni u ċitazzjonijiet mogħtija lil min jinqabad ipejjep bit-tfal fil-karozza.
Għaldaqstant, min-naħa tad-dipartiment tas-saħħa, bħalissa għaddej proċess ta’ taħriġ lill-Pulizija u l-gwardjani lokali dwar l-involviment tagħhom fl-infurzar ta’ din il-liġi ġdida.
Bl-istess mod, bħalma jinqabdu u jiġi mmultati dawk li jużaw il-mobile waqt is-sewqan, il-Pulizija u l-gwardjani lokali inkarigati mill-kontroll tat-traffiku fit-triq u dawk li jkunu stazzjonati viċin tal-iskejjel se jkollom l-awtorità jwaqqfu u jimmultaw lil dawk kollha li jinqabdu jpejpu fil-karozza li għandha minuri bħala passiġġiera.
Multa lill-passiġġier u x-xufier jekk ipejjep passiġġier
Vassallo spjegat li minn Jannar tal-2017, il-multa għal sewwieq li jinqabad ipejjep waqt li hemm minorenni taħt is-16-il sena fil-karozza se tkun ta’ €50. Hija żieded tgħid ukoll li jekk ikun passiġġier li jinqabad ipejjep, tingħata multa ta’ €50 kemm lilu, kif ukoll lis-sewwieq li suppost kien responsabbli li ma jħallix tipjip fil-karozza.
Jekk ikun passiġġier li jinqabad ipejjep, tingħata multa ta’ €50 kemm lilu, kif ukoll lis-sewwieq li suppost kien responsabbli li ma jħallix tipjip fil-karozza
L-iskop tal-kampanja huwa li jitwassal il-messaġġ għall-ġid tat-tfal permezz tal-edukazzjoni, il-multi idealment iservu ta’ detriment għal dawk li minkejja t-tagħrif u l-edukazzjoni xorta jiddeċiedu li jpoġġu s-saħħa ta’ uliedhom stess fil-periklu.
Sigaretti elettroniċi ? Taqla’ multa xorta
“Il-multa,” saħqet Vassallo, “se tkun tkopri kemm is-sigaretti, prodotti oħra tat-tabakk u saħansitra s-sigaretti elettroniċi.”
Dwar dan, l-ILLUM staqsiet għal liema raġuni anke s-sigaretti elettroniċi ġew inklużi fil-projbizzjoni kontra t-tipjip fil-karozzi, peress li l-iskop tagħhom huwa infatti biex jgħinu lin-nies jaqtgħu t-tipjip. Vassallo spjegat li fil-liġi ta’ Malta, anke s-sigaretti elettroniċi jaqgħu taħt prodotti tat-tabakk u għaldastant lanqas huma ma jistgħu jintużaw, u l-effett ta’ dawn għadhom qed jiġu investigati.
Fil-fatt minn riċerka li għamlet l-ILLUM, jirriżulta li filwaqt li s-sigaretti elettroniċi għandhom emissjoni tossika ferm inqas mis-sigaretti, id-duħħan tagħhom xorta fih ammont ta’ nikotina u kimiċi oħrajn li fl-ispazju ristrett ta’ karozza xorta jagħmlu ħsara lill-minuri. Dan jikkonferma li d-deċiżjoni li lanqas sigaretti elettroniċi ma jintużaw fil-preżenza tat-tfal, hija waħda tajba u ta’ ġid għalihom.
Min ipejjep fil-karozza quddiem uliedu m’għandux problema jagħmel l-istess id-dar
L-ILLUM staqsiet lil Paula Vassallo dwar x’taħseb fuq il-fatt li min ma jsibx problema jpejjep fil-karozza fil-preżenza ta’ uliedu, wisq probabbli jkun ipejjep quddiemhom anke d-dar, u għaldaqstant, it-tfal xorta jkunu esposti għall-ħsarat tad-dħaħen tas-sigaretti. Vassallo qalet li hija tifhem li ma jistax isir infurzar dwar jekk wieħed ipejjipx jew le f’daru. Għaldaqstant id-dipartiment tas-saħħa joffri servizzi biex jgħallem u jgħin lin-nies jaqtgħu l-vizzju tat-tipjip. “Aħna nixtiequ li ħadd ma jpejjep u nixtiequ ngħinu lil min jixtieq jieqaf biex jaqta’ l-vizzju,” qalet Vassallo hekk kif tkellmet dwar il-‘Quitline’ li wieħed jista’ jċempel fuqu biex jitlob għajnuna, anke b’servizz personalizzat għal għajnuna dwar kif jista’ jieqaf ipejjep. “L-għan tal-kampanji tagħna huwa li wieħed jieqaf ipejjep, mhux biss fil-karozza, imma kullimkien, u jifhem l-effetti ħżiena fuq saħħtu u fuq ta’ madwaru,” temmet tgħid Vassallo.
Id-Dipartiment se jkun qed jorganizza wkoll kampanja ta’ informazzjoni mmirata għat-tfal fl-iskejjel, fejn fiha, bl-istess mod bħalma l-generazzjonijiet futuri qed jiġu mgħallma dwar dieta aktar sana u bilanċjata, qed jiġu infurmati dwar l-effetti ħżiena li t-tipjip iħalli fuq is-saħħa. Dan anke bit-tama li apparti l-kampanja u l-infurzar tal-liġi kontra t-tipjip fil-preżenza tagħhom, it-tfal jidraw ukoll ikollhom aktar vuċi biex iwiddbu l-ġenituri biex ma jpejpux fil-preżenza tagħhom, għall-ġid ta’ saħħet kulħadd.