Trattament għal min iwettaq offiżi sesswali sal-2019
....qed ikun propost kurrikulu li jippromovi l-prevenzjoni tal-vjolenza
minn Albert Gauci Cunningham
Sas-sena 2019 se jkun qed isir programm ta’ trattament speċifiku għal dawk kollha li jinstabu ħatja li jkunu wettqu offiżi sesswali fil-konfront ta’ persuna oħra, inkluż stupru. Din il-miżura kienet proposta fl-istrateġija, issa miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika, dwar modi diversi ta’ kif tista’ ssir prevenzjoni għall-kriminalità. It-trattamenti, għalhekk qed ikunu proposti, bil-għan li titkabbar l-edukazzjoni u anke tkun iffaċċjata l-isfida ġejja mill-agressur.
Reati marbutin mas-sess, fosthom stupru jibqgħu, skont l-istess rapport fost l-anqas li jkunu rrappurtati minħabba diversi raġunijiet l-aktar u probabbilment minħabba raġunijiet ta’ imbarazzament, kif ukoll minħabba li ħafna minn dawk li jgħaddu minn trawma simili ma jkunux jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom. Skont studju li sar fl-2015, (Formosa Pace et al) jirriżulta li 85% isibu diffikultà jirrapurtaw reat sesswali kieku dan kellu jsir fuqhom.
Għal dan il-għan, ir-rapport ‘Crime Prevention: Better Protection for the Community’ jipproponi li jsiru tliet kampanji mmirati li joħolqu għarfien u numru ta’ miżuri, li apparti programm ta’ trattament jinkludi l-ħolqien ta’ grupp ta’ professjonisti. Il-grupp għandu jitwaqqaf is-sena d-dieħla u se jkun magħmul minn diversi professjonisti, psikjatri u psikoterapisti. Se jkollu l-għan li jidentifika numru ta’ professjonisti li jiltaqgħu ma’ każi simili u jagħtihom it-taħriġ meħtieġ barra mill-pajjiż. Apparti minn hekk, il-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali li ppubblika din l-istrateġijaed jipproponi li matul l-2017-2018 tkun imfassla leġiżlazzjoni apposta, appoġġjata minn mekkaniżmi legali li jgħinu sabiex it-trattament ikun jista’ jingħata.
Intant, ir-rapport qed jipproponi li jsiru tliet kampanji bl-ewwel tibda s-sena d-dieħla u tiffoka fuq il-biża’ li l-vittma tirraporta r-reat, identifikar ta’ lokalitajiet fejn dawn it-tip ta’ reati huma iktar komuni, kif ukoll għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi.
Ir-rapport jagħmel ukoll aċċenn, fost l-oħrajn, dwar l-importanza ta’ programmi ta’ prevenzjoni li jsiru fl-iskejjel. Ir-rapport jelenka numru ta’ miżuri u fost l-oħrajn jgħid li l-iskejjel l-aktar li għandhom bżonn attenzjoni immedjata fir-rigward ta’ vjolenza domestika, huma dawk ta’ San Pawl il-Baħar, Birżebbuġa u l-Furjana. Skont studju li sar fl-2016, jirriżulta li f’dawn il-lokalitajiet l-inċidenza ta’ vjolenza domestika hija fost l-ogħla.
Bil-għan li l-prevenzjoni kontra l-kriminalità tibda mill-iskejjel, il-Ministeru qed jipproponi li jkunu identifikati dawk li jaħdmu fl-iskejjel u li kapaċi jmexxu programmi li jagħtu l-għajnuna u li jkun imwaqqaf grupp ta’ strateġija li jaħdem fuq taħriġ u l-ħolqien ta’ programmi ġodda li jgħinu lill-vittmi u anke l-aggressuri.
Ir-rapport, li jagħmel aċċenn qawwi ħafna fuq l-irwol tal-edukazzjoni, jipproponi li jkun imfassal kurrikulu kontra l-vjolenza, li jitqassmu kotba lill-istudenti tal-iskejjel primarji u li jkunu kreati wkoll diversi kurrikula li jitrattaw kif wieħed għandu jiffaċċja l-kunflitt.