Iż-Żebbuġin ‘l-ifqar’ fost l-Għawdxin

Kważi wieħed minn kull tmien persuni intitolati għall-din il-pensjoni huwa Għawdxi

Iż-Żebbuġin ta’ Għawdex huma l-iktar poplu li jirċievi għajnuna għall-esklużjoni soċjali fost l-Għawdxin. Fil-fatt, 9% tal-popolazzjoni taż-Żebbuġ, jew 170 persuna minn total ta’ 1,889, tirċievi għajnuna għall-esklużjoni soċjali li tinkludi l-għajnuna supplimentari, dan filwaqt li l-medja Għawdxija hija ta’ 7.3%.

Iż-Żebbuġ ukoll hija l-iktar lokalità f’Għawdex li fiha persuni li jieħdu l-benefiċċji tal-qgħad, b’ 7.2% tal-persuni, u dan meta mqabbel mat-2.6% medja tal-popolazzjoni Għawdxija kollha.

Din l-informazzjoni toħroġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bbażata fuq ċifri tal-2014 fejn jidher kif min-naħa l-oħra, l-Għarb u l-Għasri huma l-lokalitajiet li kellhom l-inqas persentaġġ tal-popolazzjoni tagħhom li fl-2014 irċevew għajnuna għall-esklużjoni soċjali, b’4.2% tal-popolazzjoni.

Ta’ Kerċem bl-inqas benefiċċji tal-qgħad

Fil-gżira Għawdxija, minkejja li l-lokalità taż-Żebbuġ tiġi l-ewwel f’dak li huwa numru ta’ persuni li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad, il-lokalità ta’ Ta’ Kerċem hija l-inqas waħda, hekk kif 6 persuni biss residenti f’din il-lokalità jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad. Dan in-numru jirrapreżenta 1.4% tal-popolazzjoni f’Ta’ Kerċem. Min-naħa l-oħra, wara ż-Żebbuġ, il-poplu ta’ Għajnsielem u Kemmuna, li għall-fini ta’ statistika jiġu magħduda flimkien, huma t-tieni l-aktar poplu Għawdxi li jirċievi għajnuna f’benefiċċji tal-qgħad, b’6.5% tal-popolazzjoni

Spiża ta’ benefiċċji kważi ugwali

Minkejja dan kollu, meta wieħed jikkunsidra biss it-totali fi spiża tal-Gvern f’dawk li huma benefiċċji soċjali ras għal ras f’kull lokalità, id-differenzi minn post għall-ieħor ma jvarjawx tant. Dan jidher b’differenza għall-figuri ta’ benefiċċji ras għal ras fost il-lokalitajiet Maltin. Kif irrappurtat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, l-iktar post f’Malta li meta mqabbel mal-popolazzjoni tiegħu jieħu l-iktar benefiċċji huwa l-Furjana b’€3,216 fl-2014. Fl-istess waqt, l-inqas benefiċċji kienu jaslu s-Swieqi b’€1,136.

Dan kollu jikkuntrasta mal-qagħda fil-gżira oħt, hekk kif l-ammonti jibqgħu ferm qrib tal-medja Għawdxija ta’ €1,845 u ma jiddevjawx wisq. Fil-fatt, il-lokalità li fiha kien hemm l-akbar ammont ta’ benefiċċji soċjali mħallsa mill-Gvern fl-2014 ras għal ras, kienet il-belt kapitali Victoria b’€2,116, u warajha l-Fontana b’€2,002. Min-naħa l-oħra, l-inqas li ħadu ras għal ras kienu l-Munxarin hekk kif swew lil Gvern €1,393.

Rigward il-pensjoni ta’ diżabbiltà, il-figuri jindikaw li l-medja fil-lokalitajiet Għawdxin tvarja bejn 2.5% u 4%. Minkejja dan, ta’ min wieħed jirrimarka li meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta’ persuni li jirċievu l-pensjoni tad-diżabbiltà f’Għawdex u jqabbilhom bħala persentaġġ mat-total ta’ persuni li jirċievu din it-tip ta’ pensjoni f’Malta u Għawdex, dan jammonta għal kważi 13%. Dan ifisser li kważi wieħed minn kull tmien persuni intitolati għall-din il-pensjoni huwa Għawdxi. 

More in Socjali