Tnaqqis ta’ terz fid-dipendenza soċjali

Niżlu għal 6,100, il-persuni li jiddependu minn assistenza soċjali

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li matul l-ewwel disa’ xhur tal-2016 reġa’ kien hemm tnaqqis fid-dipendenza soċjali. Tliet snin ilu kien hemm 9,240 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, u llum, l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal kważi 6,100. 

Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li "l-andament pożittiv fis-suq tax-xogħol joħroġ ukoll mill-fatt li dawk li jieħdu l-benefiċċju għall-qgħad, kif ukoll assistenza speċjali għal nies qegħda, waqgħu għal 1,420 u 3,433 rispettivament." Fl-2013 kien hemm 4,198 u 6,119 persuna li kienu jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji, li jfisser li, fi tliet snin, dawk dipendenti fuq dawn il-benefiċċji naqsu b’ aktar minn nofs.

Fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji naqset. Fil-fatt l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji fl-2016 kienet €11 miljun, jew 7%, anqas milli kienet fl-istess żmien tliet snin ilu. 

S’issa, fl-2016, hemm 1,783 persuna li gawdew mill-in-work benefit. Illum, kważi 2,800 persuna li qabel kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad ħarġu jaħdmu u għadhom jirċievu parti mill-benefiċċju li kienu jieħdu qabel.

More in Socjali