Minn numru ta' ħaddiema jaħdmu f'Malta li ġejjin minn pajjiżi l'barra mill-Unjoni Ewropeja, l-għola numru din is-sena kien dak tal-Filippini, li ammonta għal 17% tal-ħaddiema f'Malta li ġejjin minn pajjiżi barra mill-UE.
F'temp ta' sitt snin, in-numru ta' Filippini jaħdmu Malta żdied b'1,056, hekk kif din is-sena kien hawn 1,468 ħaddiem reġistrat, ikkumparat ma' 412 biss fl-2010.
Iż-żieda ta' aktar minn 250% ta' ħaddiema mill-Filippini jaħdmu f'Malta ġejja minn assistenza u inċentivi li l-Gvern tal-pajjiż joffri liċ-ċittadini sabiex isibu impjieġi barra mill-pajjiż, speċjlament fis-setturi tax-xogħol domestiku u bħala infermiera.
Fl-2014, 489 ħaddiema Filippini kienu reġistrati jaħdmu Malta fis-setturi tas-servizzi u tal-bejgħ. Fl-2010, stħarriġ tal-ETC kien wera li 22% tal-Filippini jaħdmu f'Malta kienu jaħdmu bħala 'care workers' personali.
Il-flus li l-ħaddiema Filippini jaqilgħu mix-xogħol madwar id-dinja u li jibgħatu lura f'pajjiżom, jagħmel parti prominenti mill-ekonomija tal-pajjiż, li infatti ammontat għal 10 Biljun dollaru fl-2005.
Fil-Filippini, numru kbir ta' nies jattendu korsijiet speċifiċi biex jitħarrġu fuq ix-xogħol domestiku, u nfatti l-kors imsejjaħ "super maid" huwa fost l-aktar korsijiet popolari fost iċ-ċittadini Filippini, peress li jtihom il-wegħda ta' impjiegi l'barra mill-pajjiż, inkluż fil-gżira ċkejkna ta' Malta.