Kellha tgħaddi minn martirju biex ikollha l-ewwel 'period' ta' 17-il sena

Infermiera li għaddiet mill-proċess ta' Mutilazzjoni Ġenitali tgħid lin-nisa: 'Qumu u tkellmu, għalikom u għal ta' madwarkom, għan-nisa li m'għandhomx vuċi'

Realtà: 200 miljun mara għaddoet minn Mutilazzjoni Ġenitali  din is-sena  s'issa
Realtà: 200 miljun mara għaddoet minn Mutilazzjoni Ġenitali din is-sena s'issa

'L-uġigħ tiegħi ispirani biex ngħin lil ħaddieħor jifhem aħjar l-uġigħ li qed iħoss. Meta għaddejt mill-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili soffrejt ta' vera, u hemm ħafna u ħafna oħrajn li qed ibatu bħali." Hekk sostniet mas-sit Ingliż Metro.co.uk Hoda Ali, infermiera u mara li qed tikkampanja biex tqajjem għarfien dwar prattika li qed isibu ma' wiċċhom diversi infermieri, fosthom dawk f'Malta wkoll.

Fil-fatt kien il-Ministru Chris Fearne li aktar kmieni f'din il-leġiżlatura ressaq leġiżlazzjoni biex il-Mutilazzjoni Ġenitali Femmili ssir illegali u projbita. Il-liġi għaddiet b'mod unanimu mill-Parlament Malti f'Jannar 2014. 

Ali, tiddeskrivi kif kienet imġiegħla tgħaddi mill-proċess kollu meta kellha biss seba' snin. "Minn meta kelli 12-il sena, esperjenzajt l-ewwel mill-ħafna operazzjonijiet l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet mill-mutilazzjoni." 

Hija qalet mas-sit elettroniku Ingliż illi l-infezzjonijiet li jirriżultaw minħabba l-proċess iwasslu għall-mard u anke diffikultajiet fil-proċessi menstrwali tal-mara. Fil-fatt hija qalet illi kellha tgħaddi minn martirju ta' bosta operazzjonijiet qabel ma' seta' jkollha l-ewwel period ta' 17-il sena. "Anke wara dan, il-kumplikazzjonijiet, f'ħajti minħabba infezzjonijiet, korrimenti tat-tqal u nuqqas ta' fertilità. 

Fil-fatt Ali tispjega kif l-affari tant kidditha li l-ewwel ma setax ikollha t-trabi, minħabba l-mutilazzjoni li kienet saret fuqha u wara lanqas il-proċess tal-In Vitro Fertilisation (IVF) ma seta' jsir, hekk kif ir-riskji kienu se jkunu kbar wisq. 

Hoda Ali tgħid mal-Metro li kemm ommha kif ukoll nannitha kienu vittmi ta' dan il-proċess, meqjus illegali f'ħafna pajjiżi fil-Lvant, apparti li huwa meqjus ukoll bħala inuman u li jmur kontra d-drittijiet bażiċi tal-bniedem. 

"Lin-neputijiet tiegħi ngħidilhom, qumu u tkellmu għalikom infuskom u għal dawk ta' madwarkom. Kunu l-vuċi ta' dawk li vuċi m'għandhomx għax jiena verament nemmen li dak li ma joqtlokx jagħmlek iktar b'saħħtek," temmet tgħid Hoda Ali fi kliem il-kantanta Kelly Clarkson. 

Il-prattika tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili hija prattika li titħaddem f'pajjiżi fl-Afrika, l-Ażja u Lvant Nofsani, imma l-aktar fl-Afrika, fejn titneħħa parti mill-ġenitali tal-mara. Dan ir-ritwal, huwa riżultat ta' tradizzjoni li timxi minn ġenerazzjoni għall-oħra, l-aktar sforz ta' mentalità li tpoġġi lill-mara f'inferjorità, mqabbla mar-raġel. Il-UNICEF tistma li din is-sena biss 200 miljun mara għaddew minn dan il-proċess, orrendi u inuman.  

More in Socjali