L-istudenti tal-iskola sekondarja ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop għandhom post ġdid iddedikat għal qari, wara li ġie inawgurat ‘reading garden’ li ħadmu fuqu l-istudenti infushom, fil-preżenza tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-MEP Miriam Dalli.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli spjegat kif l-inizjattiva nibtet wara ħidma mal-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja biex l-istudenti jabbinaw flimkien is-sostenibilita u l-innovazzjoni. “L-għan tal-progett hu biex nressqu qrib xulxin dak li jiġi deċiż fil-Parlament Ewropew u dak li l-istudenti jagħmlu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Wara li temmew dan il-proġett, uħud mill-istudenti issa se jkollhom l-opportunita’ li jsegwu nill-qrib il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Parlament Ewropew,” qalet Dr Dalli.
Il-proġett magħżul kien dak ta’ ġnien għal qari magħmul kollu minn materjal riċiklat bħal tyres, pellets tal-injam u wires fost l-oħrajn.
“B'dan il-proġett ħaddimna l-kunċett ta' circular economy, iġifieri li l-istudenti tgħalmu kif jistgħu jużaw rizorsi flok dawn jintremew. Dawn l-istudenti, li wħud minnhom kienu f'riskju ta' early school leaving u qed isegwu Alternative Learning Programme, urew il-kapaċitajiet tagħhom b'modi alternattivi u bis-saħħa tagħhom, l-iskola issa għandha progett li se jintuza minn studenti oħra għal bosta snin,” qalet Miriam Dalli.
Bħala parti mill-proġett, studenti mill-istess skola iffilmjaw kull stadju tal-proġett u dawruh f’filmat qasir biex iħajjar studenti ta’ skejjel oħra jieħdu inizjattivi simili.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li inizjattivi bħal dawn jgħinu lill-istudenti jimxu ‘l quddiem filwaqt li jippreparawhom għall-ħajja tax-xogħol.
Il-Ministru Evarist Bartolo u l-MEP Miriam Dalli irringrazzjaw lit-tmexxija tal-iskola talli ssieħbet f’dan il-proġett u lill-għalliema li għenu biex dan il-proġett jitwettaq.