L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li fil-barriera Ta' Muxi f'Għawdex kienu qed isiru xogħlijiet illegali sabiex jinbnew ħitan fl-istess barriera għar-rimi illegali b'mod abbużiv, li allegat li qed isir.
FAA żiedet tgħid li dan is-sit ilu post fejn isir rimi illegali għal żmien twil. "Probabbilment, dan is-sit huwa l-ikbar sit ta' rimi abbużiv f'Malta u Għawdex," qalet l-NGO, filwaqt li sostniet li minkejja notifiki ta' infurzar u ordnijiet mill-Qorti, l-unika azzjoni li s-sidien tal-barriera ħadu kienet li jiksu ż-żoni fejn sar ir-rimi b'saff ħamrija. "Fejn kien il-monitoraġġ tal-MEPA f'dan kollu? Fejn hi l-azzjoni tal-PA?" tistaqsi l-FAA.
L-NGO tinsisti li dan l-abbuż ilu jsir snin u saret xi ħaġa li hi faċli sabiex tiġi nnutata permezz ta' monitoraġġ mill-ajru, allura l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar staqsiet kif jista' xi ħadd iwaħħal fil-pubbliku li jaħseb li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar huwa minħabba l-fatt li dawn li qed jabbużaw, qed jiġu protetti.