‘Ħadd mhu se jkun qed imiss is-servizz taċ-childcare mogħti mill-Isptar Mater Dei bħalissa. Din hija l-pożizzjoni uffiċjali mogħtija lil din il-gazzetta mill-Ministeru tas-Saħħa, dwar mistoqsija li l-gazzetta ILLUM għamlitilhom dwar dubji fuq il-futur tas-servizz ta’ childcare offrut lill-impjegati tal-Isptar Mater Dei.
Il-kwistjoni ġiet imressqa quddiem il-Ministeru tas-Saħħa wara li numru ta’ ħaddiema fl-Isptar għamlu kuntatt mal-ILLUM ġiet infurmata minn xi ħaddiema tal-Isptar Mater Dei li semgħu li ċ-‘childcare centre’ għall-ħaddiema ta’ Mater Dei se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu. Dawn il-ġenituri, kienu kollha inkwetati serjament dwar din l-allegazzjoni peress li għalihom is-servizz taċ-childcare huwa servizz essenzjali li permezz tiegħu jistgħu jibqgħu jaħdmu minkejja li għandhom tfal żgħar.
L-istess impjegati tal-Isptar li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu li meta huma saħansitra għamlu kuntatt mal-Unions, ġew infurmati li l-Gvern mhux obbligat li jipprovdilhom dan is-servizz.
Dawn il-ġenituri mħassba esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għall-possibbiltà li jingħalqilhom is-servizz ta’ childcare għax ħassew li tkun inġustizzja li wara li l-Gvern b’suċċess kbir qiegħed jipprovdi servizz ta’ child care b’xejn sabiex jinkoraġġixxi lil ħafna nisa jerġgħu joħorġu jaħdmu, kienu se jkunu propju huma li jitilfu dan is-servizz.
Minkejja dan, it-tħassib ta’ dawn il-ġenituri ma kienx minnu, għaliex dan kien biss każ ta’ miżinformazzjoni, u dan is-servizz se jibqa’ jiġi pprovdut kif inhu fil-preżent, bl-istess kundizzjonijiet.