Rolling, action... u morna l-baħar

Huwa mistenni li jkun reġistrat tnaqqis ta’ aktar minn 50% fid-dħul mill-industrija tal-films.
Wara snin twal ta’ telqa, fl-2017 se jibda l-investiment fil-Malta Film Studios

Wara sena rekord fl-2015, din is-sena kienet waħda pjuttost batuta għall-industrija tal-films f’pajjiżna. Fil-fatt, sorsi li tkellmu mal-ILLUM, spegaw kif kollox qed jindika li kkumparat mas-sena 2015, din is-sena huwa mistenni li l-industrija timmarka tnaqqis ta’ aktar minn 50%. Dan ifisser li l-kontribut fl-ekonomija mistenni jonqos b’aktar minn €50 miljun, hekk kif is-sena l-oħra films kbar bħal ‘Assasin’s Creed’, ‘13 Hours’ , ’You Me and the Apocalypse’ u ‘The Promise’ wasslu lil Malta biex tara injezzjoni rekord ta’ €100 miljun fi dħul minn dan is-settur

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif it-tnaqqis pjuttost drastiku fid-dħul, li jista’ saħansitra jiżboq sew il-50%, jaf l-għerq tiegħu f’realtajiet fid-domanda kif ukoll mill-fatt li l-film ‘The Mummy’, li partijiet minnu kellhom jinġibdu f’pajjiżna fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, ġie rilokat għan-Namibja. Huwa mifhum li din kienet deċiżjoni tal-producer u l-attur Tom Cruise, minħabba diversi raġunijiet, fosthom l-istat fqir immens li fihom jinsabu l-Malta Film Studios u Forti Ricasoli, fejn normalment jinġibdu l-films. 

Dan it-tnaqqis fix-xogħol kellu effett ta’ telfien ta’ impjiegi jew tnaqqis konsiderevoli fid-dħul ta’ bosta nies li jaħdmu fis-settur tal-films, b’ħafna persuni jabbandunaw l-industrija u jfitxxu impjieg aktar stabbli xi mkien ieħor.

Aktar minn hekk, minħabba li din is-sena ma kienx hemm films ta’ ċerta kobor imma biss produzzjonijiet żgħar u oħrajn kummerċjali, jista’ jkun li t-tnaqqis saħansitra jiżboq sew il-50%, spjegaw is-sorsi mill-istess industrija li tkellmu mal-ILLUM.

Intant f’kuntatt ma’ din il-gazzetta, Jean Pierre Borg kelliem għall-Kummissjoni tal-Films, la ċaħad u lanqas ikkonferma l-informazzjoni li għandha din il-gazzetta. Huwa qal biss li ċ-ċifri għadhom mhux pubbliċi u għalhekk jippreferi li jistenna. Huwa ammetta iżda li din kienet sena diffiċli, għalkemm saħaq li dan kien sforz realtajiet tad-domanda f’dan is-suq. “Din id-darba ma kellniex domanda biżżejjed għal produzzjonijiet li jinkludu lokazzjonijiet partikolari li f’Malta jistgħu jkunu użati jew adattati. Għalhekk, il-produzzjonijiet ma kinux jinvolvu crews kbar bħas-sena l-oħra. Jiġifieri,” kompla jgħid il-kelliem, “jekk irridu nkunu realistiċi, bilfors irridu nammettu li din is-sena ma kinitx pożittiva bħas-sena l-oħra, meta ż-żidiet kienu pjuttost kbar. Ma ninsewx iżda, li f’dawn l-aħħar sentejn kien hawn ħafna xogħol u hemm min għamel qligħ tajjeb ukoll.”

Fil-fatt, fl-2013 l-industrija kienet irreġistrat dħul żgħir ta’ madwar €5 miljuni, li mbagħad żdied b’mod qawwi għal €29 miljun fl-2014, sakemm fl-2015 l-ammont tad-dħul sploda għal €100 miljun, b’kważi nofs dan l-ammont jidher li ġie mill-films '13 Hours’ u ‘Assasin’s Creed’.

L-ewwel investiment wara ħafna snin għas-sena d-dieħla.

L-ILLUM staqsiet allura kif qatt din l-industrija tista’ toffri karriera lil xi ħadd jekk se tibqa’ daqstant volatili u instabbli? Il-kelliem għall-Kummissjoni tal-Films saħaq li s-sena d-dieħla se tkun waħda pjuttost kruċjali, hekk kif se tfisser li se jsir l-ewwel investiment fi snin twal ħafna.

Is-sena d-dieħla, il-Malta Film Studios fil-Kalkara mistenni jaqa’ taħt il-privat biex jibda proġett ta’ investiment li mistenni jwassal għar-riġenerazzjoni kompleta tal-istudios kif ukoll tat-tankijiet. “It-tankijiet u l-faċilitajiet, li fuqhom ilu ma jsir investiment snin twal, huma s-sinsla ta’ din l-industrija,” qalilna Borg.

“Aħna dejjem konna noffru lokazzjonijiet fuq barra, imma meta niġu biex nibnu sets niffaċċjaw problema. Dan l-investiment, issa għandu jbiddel din is-sitwazzjoni u nikkumplimentaw l-inizjattivi tal-Gvern, flimkien mar-rati tajbin li noffru b’infrastruttura tajba.”

Il-privatizzazzjoni tal-Malta Film Studios bħalissa tinsab fil-fażi fejn qed jiġu milqugħin il-proposti, biex aktar tard din is-sena jkun magħżul wieħed. Il-kumpaniji li wrew interess u rrispondew għall-Espressjoni ta’ Interess kienu Golden Zephyr mill-Istati Uniti, Island Productions u Safet Spa t-tnejn mill-Italja u Pinewood u Madiante mir-Renju Unit.

More in Socjali