Il-kumitat kontra l-qtil tal-għasafar, aktar magħrufa bħala CABS, ħabbru li l-investigazzjonijiet li għamlu huma wasslu għall-arrest ta’ żewġ nassaba illegali, u sejba ta’ 25 għasfur maqbud.
Fl-ewwel każ, il-Ħadd filgħodu, wara informazzjoni mogħtija mill-CABS, uffiċjali tal-ALE qabdu nassab fil-fatt waqt li kien qiegħed jonsob illegalment fl-inħawi ta’ Pembroke. Il-Pulizija ikomfiskaw 10 għasafar ħajjin flimkien ma’ numru ta’ xbiek u gaġeġ użati għall-insib.
In-nassab se jiġi mressaq il-Qorta hekk kif ammetta mall-Pulizija li kien qiegħed jonsob fuq art mhux liċenzjata.
Il-Ħadd stess, il-CABS innotaw u ġibdu filmat ta’ nassab ieħor, jonsob illegalment fl-inħawi tat-torri tal-Għallis. Il-CABS ġibdu n-nassab juża xbieki u 15-il għasfur ġo gaġġa użati biex jattiraw għasafar oħra jinqabdu fix-xbieki. Mal wasla tal-Pulizija, in-nassab ħarab minn fuq il-post. Aktar tard il-Pulizija ikkomfermat li kienet identifikat in-nassab minn-numru tat-targa tal-vettura tiegħu u l-filmati li provdew il-CABS.
It-tielet każ seħħ Għawdex, hekk kif il-Qorti t’Għawdex sabet raġel minn Għajnsielem instab ħati li f’Marzu ta’ din is-sena, kien qiegħed jonsob waqt staġun magħluq u li kien qiegħed juża ‘bird caller’ illegali biex jattira l-għasafar. Anke f’dan il-każ, l-akkużat inqabad permezz ta’ fimati miġbuda mill-CABS. Ir-raġel weħel multa ta’ €700 u sospensjoni tal-liċenzja għal sentejn.
L-Uffiċjal tal-CABS, Fiona Burrows faħħret is-sospensjoni tal-liċenżja iżda kritikat il-multa ta’ €700, li ddeskriviet bħala ‘insinjifikanti’ u f’konflitt mad-dikjarazzjoni tal-Gvern li se tibda tittieħed azzjoni ħarxa kontra l-kaċċa u l-insib illegali.