Moira tibża’ li se titlef darha

Tingħaqad ma’ numru ta’ ambjentalisti kontra l-masterplan ta’ Paceville

 

Il-preżentatriċi popolari lokali Moira Delia tinsab inkwetata waħda sew hekk kif il-proprjetà tagħha f’San Ġiljan qed tkun proposta għall-espropriju fil-masterplan li ġie propost mill-Awtorità tal-Ippjanar . Meta kellmet folla żgħira ta’ madwar 100 persuna li lbieraħ ipprotestaw kontra t-tali masterplan, propost għaż-żona li se tesperjenza ‘splużjoni’ ta’ żvilupp, minn lukandi ta’ lussu sa blokok residenzjali, qalet illi dan l-iżvilupp qed jinkwetaha ferm.


“Immaġinak kull filgħaxija qabel torqod tinkwieta x’ser jiġri mill-propjetà tiegħek għada,” sostniet Delia.

 

‘Il-masterplan se jsib reżistenza feroċi’   - Andrè Callus

 

Delia sostniet li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tikkunsidra lir-residenti fuq l-istess binarju u livell daqs l-iżviluppatur u mhux inqas.

 

Intant fil-protesta li saret fil-bajja ta’ San Ġiljan dawk preżenti żammew posters u sinjali b’messaġġi bħal “Mit-taġen għal ġon-nar”, ‘Il-masterplan għal min hu?’ ‘Tkeċċu n-nies biex tħaxxnu bwietkom.’  Bħal fil-protesta li saret eżattament il-ġimgħa l-oħra kien hemm ukoll poster ta’ wiċċ iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar bil-kliem ‘il-Qaddis tal-Ambjent’. 


L-attivist Andrè Callus mill-Kamp Emerġenza Ambjent sostna li l-masterplan se juża r-residenzi “biex jakkomoda l-interessi tan-negozji ta’ żviluppaturi magħżula.”

 

Callus saħaq li jekk il-masterplan jiġi approvat, “se jkun milqugħ b’reżistenza feroċi. F’dawn l-aħħar snin l-iżviluppaturi għamlu li riedu iżda dan il-masterplan qed ilaħħaq livell kompletament inaċċettabbli,” qal Callus.

“Se joħloq preċedent ikrah ħafna – illum ġew affettwati r-residenti ta’ San Ġiljan, iżda ’l quddiem jistgħu jkunu r-residenti ta’ kwalunkwe raħal ieħor”
 

Astrid Vella, il-Kelliema għal-Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA), inkoraġġiet il-pubbliku biex jipprotesta kontra dan il-Master Plan u wissiet li l-problemi li dan ser iġib miegħu mhumiex biss ambjentali iżda anke ekonomiċi u oħrajn relatati mad-drittijiet tal-bniedem. Vella wissiet li l-pjan ta’ dan il-Gvern favur in-negozji jista’ jirriżulta fi sfruttar tal-ekonomija.

'People are being evacuated so businessmen's pockets can be fattened'

“Il-fatt li qed tiġi kkunsidrata l-esproprijazzjoni tal-propjetà kummerċjali jista’ jikkawża lill-kumpaniji barranin biex jerġgħu jaħsbuha għal darba tnejn jekk għandhomx jinvestu fil-pajjiż. Se mmorru lura għas-70ijiet? Dan kollu se jnaqqas mill-opportunitajiet ta’ Malta minn kull aspett.”

L-attivista Erica Schembri, ikkritikat bis-saħħa l-proposta ta’ riklamazzjoni tal-art qrib sit ta’ Natura 2000, faċċata ta’ Portomaso.

Il-protesta kienet immexxija mir-residenti u attivisti involuti mill-Kamp Emerġenza Ambjent, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Moviment Graffitti, Front Ħarsien ODZ, Ramblers' Association, Youth for the Environment, Nature Trust, Żminijietna – Voice of the Left u Friends of the Earth Malta.
Preżenti kien hemm ukoll il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni George Pullicino u Kirsty Debono, l-MPE Roberta Metsola, iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, il-Kunsilliera tal-PN ta’ San Ġiljan u s-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat.

 

 

More in Socjali