Qed tikri l-flat lit-turisti u bla liċenzja? Se taqlagħha
51 azzjoni kontra persuni li kienu qed joperaw akkomodazzjoni kontra l-liġi
minn Ruben Anthony Xuereb
“Matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rnexxielha tieħu 51 azzjoni legali kontra operaturi li nstabu joperaw postijiet għall-btala mingħajr ma kienu fil-pussess ta’ liċenzja għal dan il-għan maħruġa mill-Awtorità”
Dan qalu Andrè Zammit, Direttur tal-Infurzar fi ħdan l-MTA, li spejga lill-ILLUM li matul is-sena li għaddiet, ftit anqas minn 30% tat-turisti li żaru pajjiżna, minflok f’lukandi, ġew akkomodati f’postijiet għall-btala li jinkludu appartamenti, vilel u farmhouses.
“Sabiex jiġi assigurat li t-turisti li jagħżlu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni u jkollhom servizz ta’ livell xieraq,” saħaq Zammit, “matul dan l-aħħar xhur l-MTA bdiet twettaq pjan ta’ azzjoni mmirat lejn dan is-settur.”
Din l-azzjoni tiġi fid-dawl ta’ diversi appelli mill-Malta Hotes and Restaurants Association (MHRA) biex il-Gvern ikun iebes ma’ kull min qed joffri xi forma ta’ akkomodazzjoni pruvata lit-turisti. L-MHRA dejjem saħqet illi jekk dħalt fis-suq, int għandek tkun obbligat issegwi l-istess proċeduri, fosthom ta’ saħħa u sigurtà. Il-kwistjoni kollha qamet hekk kif madwar l-Ewropa, inkluż f’Malta l-użu tas-sit Air B’n’B qabad sew u eluf ta’ nies, jekk mhux miljuni qed joffru l-proprjetà tagħhom bħala post ta’ akkomodazzjoni.
Id-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità beda biex jispezzjona 668 post għall-btala li diġà huma liċenzjati mill-istess Awtorità bħala Holiday Furnished Premises (HFPs). Dawn l-ispezzjonijiet, li fis-snin ta’ qabel ftit li xejn twettqu, minkejja li xi wħud mill-postijiet ilhom liċenzjati aktar minn ħmistax-il sena, saru sabiex jiġi żgurat li l-postijiet li huma liċenzjati għal dan il-għan huma tassew fi stat tajjeb.
Zammit spejga li minbarra l-postijiet liċenzjati, l-MTA qed tagħmel moniteraġġ kontinwu sabiex jiġu identifikati postijiet li qed jiġu operati bħala postijiet għall-btala mingħajr m’għandhom il-liċenzja meħtieġa u qed jiġu operati b’mod illegali.
Fid dawl tal-ezerċizzji li diġà saru, l-MTA sabet li dawn mhumiex daqstant faċli minħabba l-fatt li l-operaturi ma jindikawx l-indirizzi jew dettalji personali fuq is-siti elettroniċi fejn jirreklamaw il-prorpjetà tagħhom. Għalhekk, dan in-nuqqas ta’ informazzjoni kultant jagħmilha ferm diffiċli għall-uffiċjali tal-Awtorità biex jistabbilixxu liema huma l-postijiet li qed jiġu operati bla liċenzja u jiġbru l-provi neċessarji li jkunu konkreti u validi quddiem il-liġi.
Zammit qal li matul dawn l-aħħar xhur, id-Direttorat tal-Infurzar tal-MTA ħa wkoll sehem f’diversi programmi fuq it-televiżjoni biex dawn iservu bħala eżerċizzju edukattiv għal dawk li diġà qed joperaw u għal dawk li jixtiequ jibdew iħaddmu operazzjonjiet turistiċi, fosthom postijiet għall-btala.
“Miżura oħra pozittiva li ttieħdet mill-Gvern matul dan l-aħħar sena kienet dik li t-taxxa tad-dħul fuq proprjetajiet li huma liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bħala postijiet għall-btala tnaqqset minn 35% għal 15%,” qal Zammit, li spjega kif dawn il-miżuri wasslu wkoll biex matul dawn l-aħħar disa’ xhur ta’ din is-sena meta kkomparat mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, l-applikazzjonjiet għal-liċenzji għall-postijiet għall-btala żdiedu minn 210 għal 452 – żieda ta’ 215%.
Fix-xhur li ġejjin, l-MTA ser tibqa’ għaddejja b’mod konsistenti sabiex jiġi assigurat servizz u prodott ta’ kwalità tajba billi tagħmel dak kollu possibli biex twaqqaf l-abbużi ta’ ċerti individwi li qed joperaw postijiet ta’ btala mingħajr liċenzja.
“Għaldaqstant,” spjega Zammit, “l-Awtorità ser tikkonsolida l-proċess li diġà beda ma’ siti tal-ivvjaġġar u booking portals ewlenin biex jassiguraw li qabel ipoġġu r-reklam ta’ proprjetà jridu jkunu ċerti li din tkun liċenzjata mill-MTA”.
Aktar minn hekk, is-sidien tal-boooking portals iridu jikkwotaw ir-referenza tal-liċenzja fuq ir-reklam tal-istess propjetà. B’hekk, it-turisti jkunu qed jiġu assigurati li l-post li jkunu mħajrin biex jikru, ikun tassew liċenzjat kif suppost u approvat mill-Awtorità.
Minn dan ix-xahar ukoll, l-Awtorità ser tikkommunika b’mod individwali ma’ operaturi ta’ aġenzija tal-ivjaġġar, kif ukoll ma’ aġenti tal-proprjetà li wkoll iridu jassiguraw li l-proprjetajiet li jirriklamaw ikunu tassew liċenzjati u li għandhom iniżżlu r-referenza tal-liċenzja fuq kull reklam. “Dawn diġà ġew infurmati permezz ta’ ittra formali li fiha ġew mitluba li jirregolarizzaw ruħhom mal-liġi” sostna Zammit.
Fix-xhur li ġejjin l-MTA ser ittella’ wkoll kampanja edukattiva permezz ta’ feature audjoviżiv edukattiv li fih se jiġu spjegati l-vantaġġi li wieħed jibbenefika minnhom meta jkollu liċenzja biex jopera post għall-btala kif ukoll l-iżvantaġġi ta’ meta wieħed ma jkunx kopert b’liċenzja. Minbarra li jittella’ fuq siti elettroniċi tal-Awtorità u oħrajn, kif ukoll fuq midja soċjali relevanti, il-feature ser jintuża wkoll waqt programmi televiżivi u jidher matul il-prime time fuq stazzjonijiet ewlenin. Hu maħsub li din il-kampanja tkun ukoll sostnuta permezz ta’ reklami fil-gazzetti ewlenin.
Zammit temm jgħid li l-Awtorità ser tibqa’ tinvestiga b’mod kontinwu permezz tad-Direttorat tal-Infurzar li għandha fi ħdanha, proprjetajiet li qed joperaw bla liċenzja. Dan l-eżerċizzju għandu l-għan li filwaqt li jiġi żgurat li l-proprjetajiet ikunu tassew postijiet ta’ livell tajjeb u xieraq, tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi turistiċi. B’dan il-mod, pajjiżna jkun aktar kompetittiv ma’ pajjiżi oħra barranin billi jiġi offrut prodott aħjar fil-qasam tal-akkomodazzjoni.