Għal futur aħjar... b'fond ġdid tal-GO
Il-kumpanija GO tniedi fond għal futur aħjar, ‘GO for the future’
More in Socjali
Il-kumpanija GO tniedi fond għal futur aħjar, ‘GO for the future’
Il-kumpanija GO illum nediet il-Fond ‘GO for the future’, investiment ta’ €80,000 li għandu jservi ta’ appoġġ għall-edukazzjoni u biex jitkabbar l-interess fis-suġġetti tax-xjenza. L-ewwel investiment tal-Fond, li qed jitħabbar illum, ser jappoġġja l-proġett ‘Aqra Kemm Tiflaħ’. Dan il-proġett jitmexxa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-għan hu li jtejjeb il-libreriji tal-klassijiet u jinkuraġġixxi lit-tfal biex iqattgħu iktar ħin jaqraw.
II-Kap Kummerċjali ta’ GO, Kurt Camilleri, qal, “GO ilha parti mill-komunità Maltija għal iktar minn 40 sena. Matul dan iż-żmien, bl-investimenti tagħna fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni tal-pajjiż, kellna rwol ċentrali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta. Dan kompla sal-lum, bl-investimenti li qed isiru fit-tekonoloġija fibre-to-the-home internet u 4G netwerk imqabbda kompletament bil-fibre. Hu importanti li GO tkompli tipprovdi lil Malta bl-infrastruttura li għandha bżonn biex dan il-pajjiż ikun storja ta’ suċċess. Fl-istess waqt, hu daqstant ieħor importanti li l-Maltin ikollhom il-ħiliet neċessarji biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet li t-teknoloġija ġdida qed iġġib magħha. Hu propju biex niżviluppaw dawn il-ħiliet, li llum qed inniedu ‘GO for the future’.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, qal, “It-teknoloġija saret xi ħaġa ta’ kuljum fil-ħajja tagħna u bl-iżviluppi li qed isiru fir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali u l-konnettività, kwalunkwe karriera ta’ suċċess jeħtieġ li jkollha l-ħila li tifhem u tuża t-teknoloġija. Ovvjament, fil-qalba ta’ kwalunkwe sistema edukattiva jrid ikun hemm enfażi fuq il-litteriżmu. Il-proġett ‘Aqra Kemm Tiflaħ’ hu maħsub speċjalment għat-tfal tal-1, 2 u 3 sena biex iħeġġiġhom jaqraw iktar. Il-litteriżmu u l-imħabba għall-qari huma l-qofol biex ikun żviluppat interess fix-xjenza.”
Permezz ta’ ‘Aqra Kemm Tiflaħ’, kull librerija tal-klassijiet tal-1,2 u 3 sena ser tingħata 100 ktieb interessanti biex it-tfal jitħajru jaqraw waqt il-ħin liberu tagħhom. Il-kotba, li jinkludu dawk tal-ġeneru fiction u non-fiction, ser ikunu 50 bil-Malti u 50 oħra bl-Ingliż. Riżorsi interattivi u materjal ieħor stampat ser jingħataw lill-istudenti bil-għan li jgħinuhom jagħmlu esperjenza sabiħa u pożittiva tal-qari. L-impenn ta’ GO għal dan il-proġett, li għandu jitwettaq f’din is-sena skolastika, ser ikun ta’ mill-inqas €11,000.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Fond ‘GO for the future’ ser ikun qed iniedi għadd ta’ inizjattivi oħra kollha bl-għan li jrawmu interess fis-suġġetti tax-xjenza u teknoloġija.