It-tbatija tħossha kull ħlejqa. Mhux il-bniedem biss iħoss l-uġiegħ u d-dwejjaq. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ħassejna li d-drittijiet tagħna ma ġewx irrispettati. U bir-raġun kollu semmajna leħinna, ipprotestajna fejn kien hemm bżonn, iġġilidna għad-drittijiet tagħna.
“Qum u tkellem għad-drittijiet tiegħek” kif jgħidu. Iżda l-annimal m’għandux vuċi. Ma jistax isemma’ leħnu. Ma jistax jipprotesta. Bil-wisq inqas jista’ jiġġieled għad-drittijiet tiegħu. Allura għax l-annimali huma bla vuċi, m’għandhomx ikollhom drittijiet?! Propju għal dan il-għan se tittella’ l-konferenza tal-annimali, dwar id-drittijiet għal dawk li m'għandomx vuċi, Rights of the Voiceless, fejn se jiġu diskussi l-istandards tal-ħarsien tal-annimali u l-benessere tagħhom f'Malta u fl-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-Presidenza Maltija fl-2017.
Nhar il-Ġimgħa, 18 ta' Novembru, se tittella’ l-konferenza "Rights of the Voiceless" fil-Corinthia Palace Hotel & Spa Attard, organizzata mill-Membru tal-Parlament Ewropew Marlene Mizzi u appoġġjata mill-grupp tal-S&D tal-Parlament Ewropew. Mizzi hija l-Viċi-President tal-Animal Welfare Intergroup tal-istess Parlament Ewropew.
Rights of the Voiceless hija opportunità unika biex dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali jingħaqdu flimkien, jiddiskutu u jaraw x’għandu jsir biex niffaċċjaw għadd ta’ kwistjonijiet marbutin mal-ħarsien tal-annimali.
Irridu naħdmu biex id-drittijiet tal-annimali mhux biss ikunu hemm fuq il-karta, iżda li jiġu rrispettati wkoll. Bl-isforz ġenwin ta’ kulħadd nistgħu nwasslu l-messaġġ tagħna. Se jiġu diskussi d-drittijiet tal-annimali u kif jista' jittejjeb il-ħarsien tagħhom f'Malta u fl-Unjoni Ewropea. Kulmin jinteressah dan is-suġġett huwa mistieden jipparteċipa. Dak li se joħroġ minnha se nkomplu naħdmu fuqu fuq livell, mhux biss nazzjonali, iżda anke Ewropew.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis, se jiftaħ il-konferenza b’filmat dwar id-drittijiet ta' min hu bla vuċi. Bħala kelliema fuq il-panel se jkun hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes, Reineke Hameleers, Direttriċi tal-Eurogroup for Animals, Emanuel Buhagiar, Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali f’Malta, Barbara Cassar Torreggiani, President tal-SPCA Malta u l-attivista tal-annimali Moira Delia.
Il-konferenza se tkun b’xejn u kull min huwa interessat jattendi għandu jibbukkja post billi jibgħat messaġġ privat fuq il-Paġna ta' Marlene Mizzi fuq Facebook, jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq 21 226 845. Postijiet ftit fadal.