F'ittra apostolika maħruġa aktar kmieni llum, Il-Papa Franġisku estenda l-poter tal-qassisin kattoliċi li jaħfru lil min ikun għamel abort.
Din id-dikjarazzjoni tal-Papa Franġisku hija estensjoni għal konċessjoni temporanja li huwa kien għamel is-sena l-oħra tul is-sena tal-ħniena, li spiċċat appuntu lbieraħ.
L-ittra tal-papa tgħid: "Nixtieq nerġa nsostni bis-saħħa li l-abort huwa dnub gravi, peress li jtemm ħajja innoċenti. Bl-istess mod, nista' iżda ngħid, li m'hemm ebda dnub li ma jintlaħaqx mill-ħniena t'Alla, u li jista' jinħafer meta jsib qalb tfittex il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni mall-Missier."
L-ittra kompliet ittenni t-tama li l-Papa għandu biex kull qassis iservi ta' gwida u sabar għal min ifittex dan il-vjaġġ ta' rikonċiljazzjoni.
Il-Papa Franġisku, temm l-iitra apostolika tiegħu billi qal li "huwa għaldaqstant li nagħti lill-qassisin kollha, fil-virtu tal-ministeru tagħhom, il-fakultà li jaħfru lil dawk li jkunu għamlu d-dnub tal-abort."