Matul l-2015, kienu tmienja l-persuni li tilfu ħajjithom kawża ta' overdose tad-droga. Iċ-ċifri għal din is-sena għadhom mhux ippubblikati minħabba li tali ċifri jirrikjedu analiżi tossikoloġika.
Fi tweġiba tal-Ministru tas-Saħħa għal domanda dwar is-siringi, Chris Fearne qal li minn Jannar sa Ottubru tal-2016 tqassmu mas-783,309 siringa b'xejn. Dawn is-siringi jingħataw lil persuni li jbatu bid-diabete jew kundizzjonijiet mediċi simili u anke lil persuni li jkollhom problema ta' abbuż ta' droga.
Fearne semma wkoll li d-Dipartiment tas-Saħħa nieda kampanja li jqassam kaxxi apposta fejn fihom, persuni jistgħu jiddisponu mis-siringi użati li jkollhom, u b'hekk, il-labar użati jkunu jistgħu jintemew b'mod iktar sigur.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, għal domanda parlamentari tad-deputat Claudio Grech.