Sal-2019, l-istudenti se jkollhom għażla jekk jibqgħux jitgħallmu s-suġġetti akkademiċi biss

Bidla radikali fis-sistema edukattiva tas-sekondarja

Is-sistema edukattiva f'pajjiżna se tkun qed tesperjenza bidla mill-qiegħ fejn sas-sena 2019, student fl-iskola sekondarja se jkollu l-għażla jekk dan ikomplix jitgħallem fis-sistema akkademika kif nafuha sal-lum, jew inkella jagħżel suġġetti li jaqgħu taħt il-kategorija tas-suġġetti vokazzjonali jew dawk applikati. 
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar kif bħalma student jagħżel is-suġġetti li jrid jiffoka fuqhom fit-tieni sena tas-sekondarja, fl-2019 dan se jkollu għażla ferm iktar wiesgħa. 
Id-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li s-sistema preżenti ta' 'one size fits all' mhix qed tilħaq lil kulħadd, u allura se tiġi introdotta sistema fejn l-istudent se jagħżel fuq xiex irid jiffoka, mingħajr ma jkollu jmur fi skola differenti biex jieħu din it-tip ta' edukazzjoni. 
Fabri spjega kif is-sistema li se tkun introdotta fi żmien tliet snin, se tkun unika fil-format tagħha minkejja li hi bbazata fuq strutturi eżistenti f'pajjiżi differenti. 
Semma kif l-istudenti se jkunu qed joħorġu mill-iskola fl-aħħar tas-sekondarja b'ċertifikazzjoni ta' livell MQF 3, li huwa l-livell tal-O Levels, fit-taqsima li jkunu għażlu huma wara li jiġu assessjati skont is-suġġett. 
L-għażla li student ikompli bis-sistema bħalma hi preżenti bħalissa, jiġifieri fuq ir-rotta akkademika se tibqa' possibbli. 

Rigward l-għalliema, Fabri qal li dawn it-tliet snin sakemm tibda taħdem din is-sistema, jistgħu jingħataw taħriġ sabiex ikunu jistgħu jgħallmu suġġetti qrib dak li jgħallmu preżentament. Saħaq ukoll li l-ebda għalliema mhu se jiġi redundant imma se jkun hemm bżonn li jiġu impjegati iktar għalliema. 

Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel privati, Fabri qal li dawn mhumiex obbligati li jsegwu din is-sistema iżda huma inkoraġġuti li jagħmlu dan. Żied jgħid li l-Ministeru se jkun qed jipprovdi l-għajnuna neċessarja, kfi għamel f'diversi okkażjonijiet, sabiex jekk ikunu jridu, dawn l-iskejjel jingħaqdu ma' din is-sistema.

 

 

More in Socjali