It-tfal b’omm li taħdem jiżviluppaw iktar malajr

Impatt negattiv ta’ 5% fuq l-iżvilupp jekk l-omm ma tkunx taħdem

Tfal li jkollhom lil ommhom taħdem barra mid-dar, jiżviluppaw b’rata iktar mgħaġġla minn dawk b’omm li tibqa’ d-dar u ma toħroġx taħdem. Fil-fatt, tfal b’ommijiet li ma jaħdmux għandhom impatt negattiv fost l-erba’ oqsma li ġew mistoqsija fuqhom, jiġifieri d-diskors, il-ħiliet ta’ kuljum, il-moviment u l-ħiliet soċjali. Dawn ir-riżultati ħarġu minn stħarriġ li sar mill-Università ta’ Oxford u l-London School of Economics, fost 800 omm ta’ tfal li għandhom bejn is-sentejn u t-tliet snin.

Fil-fatt dan l-istħarriġ saqsa lil dawn l-ommijiet dwar il-ħiliet u l-iżvilupp ta’ uliedhom, partikolarment f’erba’ oqsma, fosthom kemm it-tfal huma kapaċi jifhmu u jiffurmaw kliem u sentenzi, kemm huma kapaċi jagħmlu ċerti attivitajiet bażiċi ta’ kuljum waħedhom, bħal jieklu jew jilbsu. L-oqsma l-oħra li l-ommijiet ġew mistoqsija dwarhom jitrattaw il-moviment fiżiku tal-ulied bħal jekk humiex kapaċi jitilgħu turġien, jiftħu bibien, jużaw imqass jew ipinġu oġġetti li jintagħrfu, kif ukoll dwar il-ħiliet soċjali tat-tfal bħall-parteċipazzjoni f’logħob ma’ tfal oħra jew juru preferenzi fost in-nies ta’ madwarhom.

Dan l-istudju kixef kif fil-fatt, l-iktar oqsma li fihom ibatu t-tfal meta jibqgħu d-dar ma’ ommhom huma fil-ħiliet soċjali u l-ħiliet ta’ kuljum, fejn l-impatt kien negattiv b’5% fuq dawn it-tfal. Dan jikkuntrasta mal-impatt fuq l-iżvilupp tat-tfal fejn għandu x’jaqsam kura mingħand nursuries. Hemmhekk, ġie rreġistrat impatt pożittiv ta’ 10% fil-ħiliet ta’ kuljum u ta’ 1% fil-ħiliet soċjali. Dan jista’ jirriżulta partikolarment minħabba li fid-dar mal-omm, it-tfal ikollhom it-tendenza li l-attivitajiet li jkollhom jagħmlu matul il-ġurnata, jkunu assistiti ħafna mill-ġenitur, jekk mhux saħansitra jsiru kompletament mill-istess ġenitur, u dan bid-differenza għal dak li jsir fin-nurseries, fejn ħafna mill-attivitajiet ikunu bbażati fuq il-ħiliet tat-tfal, bl-assistenza tal-carers.

Fil-kura tan-nanniet, it-tfal żgħar ikollhom effett pożittiv fuq l-iżvilupp

Min-naħa l-oħra, irriżulta kif l-effett huwa pożittiv meta t-tfal iqattgħu l-ħin fil-kura tan-nanniet tagħhom. Dan minħabba li deher kif iktar mat-tfal iqattgħu sigħat fil-kura min-nanniet, iktar ikollhom żvilupp pożittiv, partikolarment fil-ħiliet tad-diskors b’5% u 10% ta’ impatt pożittiv fil-ħiliet soċjali.

Jimpatta pożittiv ukoll fuq l-iżvilupp tat-tfal huwa l-ammont ta’ aħwa li jkollhom. Fil-fatt, dan l-istudju jindika kif tfal ta’ età żgħira jiġu influwenzati u effetwati ferm minn ħuthom, hekk kif deher li t-tfal kellhom ħiliet aħjar meta kellhom iktar aħwa, li jagħti indikazzjoni li dawn jitgħallmu ħafna minn ħuthom. Dawn il-ħiliet dehru aħjar fi tlieta mill-erba’ oqsma indikati tal-iżvilupp, b’1% fil-moviment, u 5% fil-ħiliet soċjali u dawk ta’ kuljum. Minkejja dan, jidher kif meta jkun hemm l-aħwa, il-ħin allokat għal attivitajiet mal-ġenituri, ikollu impatt negattiv, li juri li minkejja li jkun hemm impatt negattiv mill-kuntatt mal-ġenituri, it-tagħlim u l-iżvilupp ikun attribwit għall-aħwa.

Ħareġ ukoll kif l-età tal-omm ukoll timpatta l-iżvilupp tat-tfal żgħar. Fil-fatt, ġie nnutat impatt negattiv fl-erba’ oqsma fuq it-tfal iktar mal-omm tkun kbira fl-età. Dan l-impatt deher b’mod partikolari fil-moviment u l-ħiliet ta’ kuljum tat-tfal b’1%. Mill-banda l-oħra, meta l-omm ikollha ċertu livell tal-edukazzjoni, l-impatt fuq it-tfal ikun wieħed pożittiv fost l-erba’ oqsma tal-iżvilupp tat-tfal.

Finalment, ġew indikati impatti pożittivi f’numru ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tal-ħiliet ta’ kuljum. Fil-fatt, attivitajiet bħal żjarat il-bandli, wrew impatt pożittiv ta’ 10% waqt li ġie reġistrat impatt pożittiv ta’ 5% fi żjarat għand familji li wkoll għandhom it-tfal, kif ukoll meta joħorġu għax-xirja. Dan minbarra l-attivitajiet li jgħinu fl-iżvilupp tal-moviment tat-tfal li jindika li meta t-tfal jagħmlu attivitajiet bħal krafts u tpinġija jew kant ta’ diski tat-tfal, jkollhom imġatt pożittiv fuq l-iżvilupp tagħhom ta’ 1% u 5% rispettivament.

More in Socjali