Il-kumitat tal-Bioetika mitlub jiddiskuti dwar l-ewtanasja

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li kull persuna għandha dritt tmut b'dinjità

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Kumitat Konsultattiv tal-Bioetika, ġie mitlub sabiex jidħol  fil-kwistjoni tal-ewtanasja u t-tmiem tal-ħajja u jiddiskuti dan is-suġġett fid-dettall.

Waqt li kien qed jindirizza seminar organizzat mill-Malta Hospice Movement, il-Ministru Fearne qal li l-Kumitat tal-Bioetika, immexxi mill-Prof. Pierre Mallia, u jinkludi fih fost l-oħrajn lit-Tabib Ċensu Moran, Fr Mark Montebello u Nikita Zammit Alamango, se jkun qed jiddiskuti l-kwistjoni ta' "sitwazzjonijiet marbutin mat-tmiem tal-ħajja jistgħu joħolqu mistoqsijiet kemm etiċi kif ukoll legali.” 

Fearne tkellem ukoll dwar l-importanza tad-dinjità fil-kura mħgotija u insista li, "kull persuna għandha dritt tmur b'dinjità." 

“Id-dinjità fil-kura hija essenzjali u għandha tibqa’ tingħata sal-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ bniedem, għax kull persuna għandha dritt tmut b’dinjità.” 

Il-Ministru Fearne qal li d-dinjità li għandu jkollu pazjent qed tkun aktar enfasizzata bit-tnedija tal-Patient Charter aktar kmieni din il-ġimgħa.

“Fuq kollox nixtieq nirringrazzja lil Hospice Movement, kif ukoll lill-istaff tal-isptar Sir Anthony Mamo, li b’tant dedikazzjoni jagħtu kura paljattiva lill-pazjenti Maltin,” temm jgħid il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

More in Socjali