Talba għal risposti dwar il-ħlas tal-PRS

Il-GRTU qed tilqa’ l-ilmenti ta' ħafna negozjanti dwar talba ta’ ħlas li qed jirċievu biex idoqqu mużika fil-ħwienet tagħhom

Bħal ma diġá tħabbar fuq dan is-sit aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-ġimgħat li għaddew il-GRTU irċiviet numru ta’ lmenti u mistoqsijiet minn naħa ta’ negozji dwar it-talba ta’ ħlas ta’ liċenzji u ħlasijiet minn naħa tal-PRS. Fil-ħarġa tal-ILLUM tal-Ħadd li għadda, ġie żvelat aktar fid-dettal kif numru ta’ ħwienet u negozji żgħar Maltin spiċċaw fil-mira tal-PRS hekk kid dan l-aħħar żdiedet it-talba biex dawn iħallsu l-kontribuzzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur fuq il-mużika li jdoqqu fil-ħwienet tagħhom.

Il-membri tal-GRTU li ressqu l-ilmenti u rrappurtaw li l-PRS wissiethom li jekk jirrifjutaw li japplikaw għal liċenzja u jħallsu l-kontribuzzjoni, iridu jeliminaw kull tip ta’ mużika mill-ħwienet tagħhom jew jittieħdu pass legali kontrihom.

Il-“Performing Rights Society Ltd” (PRS Ltd) hija kumpanija internazzjonali li tirrappreżenta d-drittijiet tal-awtur ta’ mużiċisti madwar id-dinja kollha. Il-PRS ilha snin tiġbor kontribuzzjoniiet dwar id-drittijiet tal-awtur, iżda dan l-aħħar jidher li ħadet atteġament aktar agressiv dwar it-talba għall-kontribuzzjonijiet.

Il-liċenzja, li tkopri kull tip ta’ mużika, titħallas darba f’sena u tkopri x-xandir ta’ mużika f’kull ħanut, stabbiliment u sala tal-istennija, kemm jekk il-mużika tkun ġejja minn CD mixtri legalment jew imxandra fuq ir-radju u li qed tinstema’ minn klijenti jew impjegati.

Iċ-ċifri mitluba mill-PRS qegħdin jiġu kkalkulati fuq id-daqs tal-ħanut, it-tip ta’ negozju li jsir fih u l-mod li bih qed tintuża tal-mużika, li jvarja bejn mużika fl-isfond jew użu dirett bħala promozzjoni.

Jidher li kemm jekk il-mużika tinstema waqt programm tat-televiżjoni jew radju f’ħanut, u anke jekk tndaqq f’taxi jew karozza tal-linja, trid tiġi mħallsa liċenzja għaliha, li tista tiswa minn mitt Ewro sa eluf ta’ Ewro fil-każ ta’ stabbilimenti kbar. Fil-każ tar-ristoranti il-kontribuzzjoni tista’ titla’ sa €8.24 għall-kull siġġu jekk tindaqq fl-isfond u aktar jekk il-mużika tkun qed tindaqq ‘live’.

It-tħassib tal-GRTU huwa dwar il-mod ta’ kif dawn iċ-ċifri qegħdin jiġu kkalkulati, hekk kif jemmnu li dan għandu jsir b’mod trasparenti u taħt skrutinju. Jidher ukoll li l-kalkuli mhux qegħdin jikkunsidraw l-impatt fuq in-negozju. Huwa wkoll evidenti fuq il-bord li japprova l-operat tal-PRS mhemm ebda membru li jirrappreżenta l-intrapriżi u n-negozji ż-żagħar.

Bħalissa hawn ħafna negozjanti irrabjati dwar dawn il-kontijiet li qed jirċievu mill-PRS u qegħdin jitolbu ġustifikazzjoni għal din l-ispiża żejda li qed tintalab minnhom. Fil-ġurnata tal-llum, f’era diġitali fejn il-mużika hija disponibbli b’xejn permezz tal-internet fuq kwalunkwe apparat elettroniku, in-negozjanti qed isibuha diffiċli jiġġustifikaw din it-talba għall-kontributi dwar id-drittijiet tal-awtur

Il-GRTU qegħda titlob lill-membri tagħha biex jibgħatulhom kopji ta’ kull korrispondenza li jkollhom mal-PRS u qegħda wkoll titlob biex issir laqgħa mal-bord tad-drittijiet tal-awtur, li jagħmel parti mill-Ministeru tal-Ekonomija, sabiex tiġi diskussa din il-kwistjoni.

More in Socjali