€3,000 multa għal nassab Għawdxi

Nassab Għawdxi li reġa' nqabad jonsob barra mill-istaġun jeħel €3,000 multa

Nassab Għawdxi li reġa' nqabad jonsob illegalment wara li kien diġà weħel il-qorti bl-istess rejat, issa weħel multa ta’ €3,000, filwaqt li ġewlu sospiżi l-liċenzji tal-kaċċa u l-insib għal perjodu ta’ sentejn.

In-nassab ta’ 63 sena mix-Xagħra, Għawdex, instab ħati li fit-13 ta’ Marzu ta’ din is-sena inqabad jonsob 13-il spunsun illegalment. Dan il-każ tressaq lill-Pulizija mill-CABS, li ġibdu filmat tan-nassab fl-inħawi ta’ Santu Pietru f’Għawdex u rrapportawh lill-Pulizija.

Is-sentenza għal dan ir-rejat ingħatat lill-akkużat il-ġimgħa li għaddiet mill-Imħallef Joe Mifsud, li saħaq li xi nassaba għadhom jiksru l-liġi għax jafu li hemm ċans li ma jinqabdux, u li jekk jinqabdu jistgħu ukoll joħorġu ħielsa.

CABS innotaw li l-akkużat inqabad jonsob illegalment aktar minn darba, u li kien diġà tressaq fuq akkużi ta’ nsib illegali fl-2015. Għal dik l-akkuża, huwa kien ġie mmultat €8,000 u suppost kellhu l-liċenzja sospiża għal għomru.

Iżda din is-sentenza, li kienet fost l-għola li qatt ingħatat Malta f’każi ta’ nsib illegali, ġiet sospiża aktar tard hekk kif l-akkużat rebaħ appell li għamel fil-Qorti.

“Ħelisha bi sbrixx, iżda xorta ddeċieda jerġa jmur jonsob,” qalet l-Uffiċjal Kriminali tal-CABS, Fiona Burrows.

Huwa mistenni li l-akkużzat jerġa’ jappella s-sentenza.

More in Socjali