'Il-bdil tal-kokaina fi 'crack' mhux traffikar' ... tgħid il-Qorti

Raġel jinħeles minn akkużi ta' traffikar ta' droga għax il-Qorti qalet li l-bdil ta' kokaina fi 'crack' ma' jgħoddx bħala traffikar...

Raġel ta' 36 mill-Furjana, ġie meħlus minn akkużi ta' traffikar ta' droga wara li l-Qori ddeċidiet li l-konverżjoni tal-kokaina fi droga 'crack-cocaine' ma jikkostitwixxix bħala ksur tal-liġi.

Denis Cremona, kien akkużat bi traffikar tad-droga kokaina, wara li Uffiċjali mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga għamlu tfittxija fir-residenza tiegħu f'Mejju tal-2012, u sabu lill-akkużat, flimkien ma' ċertu Jason Bugeja fil-pussess ta' borża mimlija trab abjad.

L-imħallef Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata kif l-Uffiċjali kien sabu wkoll oġġetti oħra relatati mad-droga, li jinkludu miżien elettroniku, bikarbonat, pipa, boroż tal-plastik, mus, kuċċarina, kaxxa xfafar u żewġt iskieken, li waħda minnhom kienet maħruqa.

Minkejja li ma nstabux sustanzi illegali fuq is-skieken, il-mus u l-kuċċarina kellhom fuqhom traċċi ta' kokaina, kif ukoll il-miżien u l-pipa, iddikkjara espert tal-Qorti.

Cremona, li ma talabx assistenza legali waqt l-interrogazzjoni, qal lill-Pulizija li kien uża l-pipa tal-ħġieġ biex jaħraq "xi imbarazz", u li kien juża l-miżien u l-boroż għal affarijiet li kien xtara.

L-akkużat, li spjega li ilu bil-vizzju tal-użu ta' kokaina u eroina għal għaxar snin, allega li Bugeja kien mar id-dar tiegħu biex ipejpu l-'crack-cocaine' flimkien, iżda ċaħad kull allegazzjoni ta' bejgħ ta' droga.

Cremona ċaħad ukoll li biddel il-kokaina fi 'crack-cocaine', hekk kif qal li Bugeja kien provda d-droga misjura bil-lest, u li huma pejpuha flimkien.

Iżda Bugeja qal lill-Pulizija li huwa kien mar għand Cremona għaliex ma kienx jaf kif "isajjar" il-kokaina, minkejja li d-droga kienet tiegħu.

L-ispettur Nikolai Sant argumenta li t-tisjir tal-kokaina huwa effettivament produzzjoni ta' tip ta' droga oħra, u għaldaqstant għandu jikkonstitwixxi bħala offiża ta' traffikar.

Iżda l-Qorti nnotat li bħala evidenza, ġie preżentat biss il-bikarbonat, filwaqt li s-sustanza l-bajda li nstabet għand Bugeja qatt ma' ġiet esebita. Dan ma tax l-opportunità lill-Qorti tistabilixxi jekk din kienitx fil-verità kokaina jew 'crack-cocaine'.

Il-Qorti għaldaqstant iddeċidiet li filwaqt li ma kienx hemm dubju li Bugeja provda d-droga, l-oġġetti li nstabu fl-appartament ma' kienux biżżejjed bħala prova ta' traffikar, il-maifattura jew produzzjoni ta' droga.

Il-Qorti sostniet fuq il-kliem "manifattura" u "produzzjoni" fejn osservat li skont id-dizzjuanrju il-kelma "manifattura" tfisser... "l-attività li toħloq xi ħaġa permezz ta' proċess industrijali" u li "produzzjoni" tfisser, "l-azzjoni ta' manifatturar, tkabbir jew estrazzjoni ta' xi ħaġa, speċjalment fi kwantità kbira."

Il-konverżjoni ta' kokaina fi 'crack-cocaine', la taqa' taħt manifattura u lanqas taħt produzzjoni, iżda biss fil-bidla minn forma għal oħra biex tippermetti metodu ta' konsum differenti, filwaqt li l-ingredjent baqa' l-istess.

Allura peress li Bugeja qatt ma allega li l-akkużat provda d-droga, u ma nstabux drogi fil-pussess ta' Cremona, ma setgħux jiġu mogħtija akkużi ta' traffikar, u għaldaqstant Cremona ħareġ liberat.

More in Socjali