Malti u sejjer it-Tajlandja? Il-Gvern Tajlandiż għadu kif raħħaslek il-vaganza

Il-Maltin fost numru ta' nazzjonalitajiet magħżulin mill-Gvern Tajlandiż li se jgawdu minn tnaqqis fir-rati mħallsin fuq il-viża għas-safar

 €30 roħs, qatra f'oċean. Imma dejjem għandek jumejn bihom fit-Tajlandja!
€30 roħs, qatra f'oċean. Imma dejjem għandek jumejn bihom fit-Tajlandja!

Anke jekk vaganza lejn it-Tajlandja tiswik bagalja flus, fit-tliet xhur li ġejjin kull Malti li se jsiefer lejn dan il-pajjiż se jħallas mat-€30 inqas fi spejjeż relatati mal-viża, kemm dik li tapplika għaliha mill-Ambaxxati jew Konsulati u anke dik li tapplika għaliha mal-wasla. Fil-fatt il-gazzetta Bangkok Post ikkwotat kelliem mill-Uffiċċju tal-Viċi Prim Ministru Tajlandiż li spjega kif għal 19-il nazzjonalità, fosthom il-Maltin, se jitneħħa l-ħlas ta' €26.30 meta persuna tapplika għal viża minn ambaxxata jew konsulat. L-istess gazzetta ikkwotat sorsi wkoll jgħidu li l-ispejjeż relatati mal-viża se jinżlu bin-nofs meta wieħed japplika għal viża fl-ajruport, mal-wasla. Il-prezz se jinżel minn 2,000 THB għal 1,000 THB, ekwivalenti għal €26.30 ukoll. 

Apparti Malta, din l-inzjattiva immirata li tkompli tkabbar is-suq turistiku, se tapplika wkoll għall-Andorra, Bulgarija, Bhutan, iċ-Ċina, Ċipru, Etjopja, Indja, Każakhstan, Latvia, Litwanja, il-Maldives, Mauritius, Romanjia, San Marino, is-Sawdi Arabja, Tajwan, l-Ukrajna u l-Użbekistan. 

L-offerta tal-Gvern Tajlandiż tibda mill-ewwel ta' Diċembru u tibqa' sejra sar-28 ta' Frar 2017.

 

More in Socjali