Kważi ħadd mill-plejers u l-istaff tat-tim Chapecoense ma salva fil-ħabta li kellu l-ajruplan li kien qed iġorrhom lejn l-iktar logħba importanti li kellhom jilagħbu, fil-kampjonat tat-Tazza tal-Amerika t'Isfel, kontra t-tim ta' Atletico Nacional.
Fost il-75 passiġġier li tilef ħajtu f'din it-traġedja, kien hemm il-plejer promettenti Brażiljan ta' 22 sena, Thiaguinho li madwar ġimgħa ilu, skopra li kien se jsir missier.
Il-mument li Thiaguinho, li ismu propja huwa Tiago Da Rocha Vieira, sar jaf li kien se jkun missier, inġibed f'filmat minn sħabu tat-tim li tawh basket mingħand il-mara tiegħu, li fih kellu nota u rigal.
Il-filmat juri lill-plejer li għall-ewwel ma kienx interessat fil-basket mogħti lilu hekk kif ħaseb li din kienet xi ċajta, iżda l-espressjoni ta' ferħ u sorpriża dehret biċ-ċar fuq wiċċu meta nduna li kien se jsir missier mal-mara tiegħu Graziele.