Il-kunċert Christmas Classics, li tnieda dalgħodu mis-Sinjura Muscat, jagħmel parti minn ġimgħa ta’ attivitajiet organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Mart il-Prim Ministru qalet li l-idea għal din l-attività nibtet wara s-suċċess li kiseb Classics Under the Stars.
Il-kunċert se jkollu l-parteċipazzjoni tal-membri żgħażagħ tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-kor Stagecoach u talent ieħor Malti. Muscat saħqet li avvenimenti bħal dawn iservu ta’ pjattaforma importanti għaż-żgħażagħ biex isaħħu u jrawmu t-talenti tagħhom.
L-attività, li se ssir nhar it-Tlieta 27 ta’ Diċembru 2016, hi bla ħlas u se tkun miftuħa għall-pubbliku inġenerali. Biex jirriserva post, il-pubbliku huwa mitlub imur il-Berġa ta’ Kastilja, għada l-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar u s-Sibt 3 ta’ Diċembru bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar.
Preżenti għat-tnedija kien hemm iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Sigmund Mifsud.