'Kull każ għandu jiġi trattat għalih'
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti ma jaqbilx li l-Malti għandu jitneħħa bħala rekwiżit għall-Università
More in Socjali
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti ma jaqbilx li l-Malti għandu jitneħħa bħala rekwiżit għall-Università
Waqt konferenza dwar l-awtiżmu organizzata ġimgħat ilu, sar appell minn persuna li tbati mill-awtiżmu li qalet li l-Malti m’għandux jibqa’ rekwiżit sabiex persuna tidħol l-università ladarba l-Malti mhux ‘essenzjali’ għall-kors, għaliex kif sostniet hi, ħafna persuni awtistiċi jitkellmu biss b’lingwa waħda, u allura jkollhom jistennew sakemm ikollhom 23 sena, u jidħlu bħala mature students.
Dwar dan, waqt intervista, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, Bernard Micallef, x’inhi l-opinjoni tiegħu. Micallef beda billi qal li ma jaqbilx mal-idea li l-Malti ‘mhux essenzjali’ għal xi tip ta’ kors. “Il-livell bażiku tal-lingwa nazzjonali huwa importanti biex tużah fil-kitba u fit-taħdit tiegħek tul ħajtek meta tinteraġixxi soċjalment.” Iżid jgħid li huwa żbaljat “li tinsisti li għandek bżonn l-Ingliż biss meta qed tgħix f’pajjiż li huwa bilingwi. Jekk tneħħi l-Ingliż, il-Malti jibda jbati, u jekk tneħħi l-Malti, viċi versa, għax tkun qed tattakka l-kompetenza lingwistika fit-tnejn li huma. F’moħħna drajna li ż-żewġ lingwi jaħdmu flimkien, u allura din il-ħila bilingwi se tmissha jekk dejjem kienet tagħna? Hekk qed nirraġunaw, qed nikkalkulaw x’se nibdew inqaċċtu minn dak li dejjem kien tagħna?”
Jekk tkun deċiżjoni għal kulħadd, ikun inġust
Dwar il-fatt li dawk li jridu din it-tneħħija huma persuni bl-awtiżmu, Micallef jgħid li f’kundizzjonijiet bħall-awtiżmu hemm spettru sħiħ ta’ każijiet partikolari, u allura ma tistax taqbad u tgħid li għal dawn il-persuni kollha jgħoddu l-istess deċiżjonijiet. “Bniedem li jaqa’ f’dan il-grad ta’ awtiżmu, mhux neċessarjament tista’ tqabblu ma’ persuna oħra li taqa’ fi grad ieħor.”
Bernard Micallef ikompli jgħid li fil-preżent l-Università għandha bord li jiddiskuti każ b’każ kull persuna bi ħtiġiet speċjali li tapplika għall-Università. Dan il-bord, li jqis kull każ għalih, “jikkonsulta l-esperti, għax jiena min jien biex ngħid iva, il-Malti jitneħħa għal kull każ? B’hekk inkun qed naqbad persuni oħrajn bl-awtiżmu u nkun qed inpoġġihom fl-istess kategorija, u ngħid li dawn ma ħaqqhomx li jkollhom it-tieni lingwa għax mhux se jlaħħqu mal-bilingwiżmu.” Micallef ikompli jgħid li din tista’ toħloq diskriminazzjoni, għaliex “hekk inkun qed niddikjara li kull min għandu din il-kundizzjoni mhux kapaċi għall-bilingwiżmu.” Semma wkoll kif kien hemm studenti passati li kienu awtistiċi u li temmew il-kors b’suċċess u bir-rekwiżiti kollha, u għalhekk din tibqa’ kwistjoni li tiddependi mill-każ individwali.