"Iż-żgħażagħ ta' 16 u 17-il sena għandu jkollhom l-istess dritt ta' adulti ta' 18-il sena li jieħdu parir jew trattament mediku mingħajr il-preżenza jew il-kunsens tal-ġenituri"
Din hija proposta għal emenda fil-liġi dwar is-saħħa, li propona dalgħodu l-Whip tal-Gvern, u eks Ministru tas-Saħħa, Godfrey Farrugia, permezz ta' private member’s bill.
Farrugia spjega li l-importanza ta' din l-emenda, għandha teffetwa l-aktar kundizzjonijiet preventivi li jeffetwaw l-istil ta' ħajja taż-żgħażagħ.
Fil-ġurnata tal-llum, sar komuni li żgħażagħ taħt it-18-il sena jiġu bżonn ta' parir jew trattament mediku, fejn ma jkunux jixtiequ l-involviment tal-ġenituri tagħhom. Dan speċjalment fl-oqsma tan-nutrizzjoni, vizzjijiet ta' alkoħol, droga u sigaretti, kwistjonijiet ta' saħħa sesswali u kundizzjonijiet ta' saħħa mentali.
Fil-preżent, huwa pratikament illegali li dawn iż-żgħażagħ jirrikorru għand professjonista mediku mingħajr il-kunsens tal-ġenituri u f'każi fejn dawn jitlobu parir mediku mingħajr dan il-kunsens, it-tobba innifishom jiġu mpoġġija f'pożizzjoni skomda wkoll, dwar kif, kemm u jekk għandhomx jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ.
Jekk tiġi approvata din l-amenda fil-liġi, jiġi assigurat is-serħan tal-moħħ kemm tal-pazjenti taħt it-18-il sena, kif ukoll dak tal-professjonisti, li jkunu jistgħu joffrulhom l-għajnuna b'mod legali, speċjalment f'każi privati u personali bħal kwistjonijiet ta' natura sesswali, problemi ta' nutrizzjoni u dawk ta' saħħa mentali.
Madanakollu, f’ċirkostanzi fejn it-tabib ikun tal-opinjoni li ż-żagħżugħ ma jkunx matur biżżejjed biex jiddeċiedi hu stess, xorta jiġi mfittex il-kunsens tal-ġenituri.