Titkellem bl-Ingliż id-dar? Se tmur aħjar fil-Matematika u x-Xjenza
Mhux bilfors...imma hemm ċans ikbar
More in Socjali
Mhux bilfors...imma hemm ċans ikbar
L-istudenti li jitkellmu bl-Ingliż fid-djar tagħhom u mal-ħbieb, għandhom ċans li jmorru aħjar u jiksbu riżultati tajbin f’suġġetti bħax-xjenza u l-matematika, iktar minn dawk li jitkellmu bil-Malti biss.
Dawn il-fatti joħorġu minn rapport internazzjonali li jsir f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, fosthom Malta, dwar it-trends fl-Istudji Internazzjonali tal-Matematika u x-Xjenza. Ir-rapport, li huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura fl-2015, sar fost l-istudenti li kienu jinsabu fit-tielet sena tas-sekondarja, b’total ta’ 3,817 student fejn dawn wieġbu għal diversi mistoqsijiet kemm dwar l-andament tagħhom fil-klassi, kif ukoll l-isfond soċjali u familjari tagħhom. Għal-istess rapport, numru ta’ għalliema tal-matematika u x-xjenza, kif ukoll numru ta’ kapijiet tal-iskola irrispondew il-mistoqsijiet.
F’dan ir-rapport irriżulta li fil-maġġoranza tal-pajjiżi li fih sar l-istudju, il-lingwa użata f’testijiet tal-matematika u x-xjenza kienet il-lingwa nattiva tagħhom. Dan il-fenomenu mhux l-istess f’Malta, hekk kif numru kbir ta’ studenti jitkellmu kważi esklussivament bil-Malti, barra mill-klassijiet, iżda mbagħad, l-eżamijiet u l-modi differenti ta’ assesjar, isiru bl-Ingliż.
Dan jirrifletti fir-riżultati tal-istess studenti hekk kif dawk li f’darhom jitkellmu regolarment bil-lingwa li bih isir it-test, jiġifieri bl-Ingliż, imorru aħjar fl-eżamijiet. Fil-matematika fil-fatt, studenti Maltin jiksbu riżultati aħjar skont kemm dawn ikunu jitkellmu bl-Ingliż f’darhom. Id-differenza bejn ir-riżultati ma kinetx minima, hekk kif dawk li dejjem jitkellmu bl-Ingliż, kellhom bħala medja 511 punt, dawk li kważi dejjem jitkellmu bl-Ingliż ġabu 507 punt, 493 punt dawk li kultant jitkellmu bl-Ingliż u 479 punt dawk li qatt ma jitkellmu bl-Ingliż f’darhom. Dan deher b’mod simili wkoll fejn tidħol ix-xjenza.
Ir-rapport jindika kif l-istudenti tal-iskejjel indipendenti huma l-iktar li d-dar, jitkellmu bl-Ingliż dejjemjew kważi dejjem, b’66% tal-istudenti. Dan filwaqt li 24% tal-istudenti tal-iskejjel tal-istat, ma jitkellmu qatt bl-Ingliż f’darhom.
Minbarra dan, figuri interessanti li joħorġu mill-istess studju jgħidu li:
23% tal-istudenti qatt ma jieklu kolazzjon fil-ġranet tal-iskola
21% tal-kapijiet tal-iskola jħossu li l-bini tal-iskola mhux adegwat
75% tal-istudenti jħossu li l-għalliema tagħhom huma ġusti magħhom
32% tal-għalliema tal-matematika u 30% tal-għalliema tax-xjenza jemmnu li l-għalliema m’għandhomx spazju biżżejjed biex jaħdmu
56% tal-istudenti jgħidu li l-Matematika tqabbadhom in-nervi
88% tal-għalliema tal-Matematika u 87% tal-għalliema tax-xjenza huma kuntenti bil-professjoni tagħhom
73% tal-istudenti jgħidu li jingħataw homework tal-Matematika kuljum
26% tal-kapijiet tal-iskola jaraw li l-involviment tal-ġenituri f’attivitajiet tal-iskola hu baxx ħafna
37% tal-għalliema tax-xjenza jħossu li l-istudenti ma jirrispettawx il-bini tal-iskola
11% tal-kapijiet tal-iskola jħossu li l-assenteiżmu fost l-għalliema huma problema