Wieħed minn kull erba' Maltin huma persuni li jpejpu, waqt li wieħed minn kull ħamsa, jpejpu kuljum. Dawn iċ-ċifri, li ġew ippubblikati mill-Eurostat, ipoġġu lil Malta marġinalment iktar mir-rata medja tal-pajjiżi l-oħra Ewropej.
Din l-istatistika tindika wkoll li l-irġiel, f'kull pajjiż ipejpu iktar min-nisa. 24.1% tal-Maltin preżentament ipejpu, u fil-fatt, 27.6% tal-irġiel ipejpu xi tip ta' tabakk, filwaqt li r-rata tan-nisa hi ta' 20.6%.
L-iktar pajjiż fl-UE li għandu persuni li jpejpu, huwa l-Greċja b'34% tal-popolazzjoni, waqt li l-inqas pajjiż huwa l-Iżvezja b'inqas minn 16.7%.
It-tipjip b'mod passiv jidher li huwa problema kbira, anke f'Malta fejn 32% tal-popolazzjoni li għandha 'l fuq minn 15-il sena tkun esposta għat-tipjip tat-tabakk f'postijiet ġewwa, dan waqt li r-rata medja Ewropea hija ta' 21.6%.