Tfal Għawdxin esposti għar-realtà tad-diżabbiltà, għal iktar inklużjoni

Il-kampanja #nikbruflimkien tressaq it-tfal lejn ir-realtajiet ta' persuni b'diżabbiltà fiżika, intelletwali u sensorjali

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Atttiva Justyne Caruana inawgurat il-kampanja #nikbruflimkien.  Justyne Caruana qalet li fl-aħħar sentejn twaqqfet fergħa tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità f'Għawdex u għalhekk il-Kummissjoni qed topera minn Għawdex stess għall-benefiċċju tal-Għawdxin li jkollhom bżonn is-servizzi tagħha. "Huwa għalhekk li qed inkomplu din il-ħidma billi f'din il-ġimgħa ddedikata għal dawn il-persuni, il-Kummissjoni (Sezzjoni Għawdex) qed tvara l-kampanja bl-isem #nikbruflimkien," qalet Caruana.

L-iskop huwa li t-tfal kollha tal-iskejjel Għawdxin jiġu esposti għar-realtà tad-diżabilità u b'hekk mhux biss nedukaw imma ndakkru aktar rispett u nippromwovu l-valur tal-potenzjal ta' kull persuna u l-abilitajiet tagħha.

Din il-kampanja ser tikkonsisti f'sessjonijiet li qed isiru fil-Learning Hub ta' Għajnsielem. Dawn qed isiru b'mod hands on, jiġifieri li t-tfal jaraw u jmissu r-realtajiet flimkien mal-istess persuni b'diżabilità differenti, kemm fiżika, intelletwali u sensorjali.

Justyne Caruana saħqet li din hi kampanja importanti għaliex l-aqwa mod kif tiġi promossa l-inklużjoni hija fost it-tfal. Proprju għalhekk li qed isiru diversi attivitajiet għat-tfal tal-iskola flimkien ma' studenti u oħrajn li jużaw is-servizzi għad-diżabilità biex jitgħallmu u jifhmu aħjar flimkien meta jaqsmu l-esperjenzi u jitgħallmu minnhom.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lil Mary Rose Attard u Frank Buhagiar tal-ħidma tagħhom fi ħdan il-Kummissjoni Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità f'Għawdex. Caruana raddet ħajr ukoll lil dawk kollha li kkoperaw u li qed jaħdmu biex #nikbruflimkien tkun suċċess, kif kienu bosta inizjattivi oħra li qed isiru f'dan il-qasam kif ukoll dak tal-anzjani f'Malta u f'Għawdex.

More in Socjali