Total ta' 100 voluntier mal-Protezzjoni Ċivili
60 voluntier ġdid ġie appuntat mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
More in Socjali
60 voluntier ġdid ġie appuntat mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Sittin voluntiera ġodda ġew appuntati mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li fil-futur qarib se jinfetħu l-applikazzjonijiet għal Assistant Rescue Officers (AROs) ġodda biex jagħmlu x-xogħol ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar. Fiċ-ċerimonja tal-ħatra fil-Kwartieri tad-DPĊ f’Ħal Far, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li din kienet it-tielet sejħa għal voluntiera mad-Dipartiment, taħt din l-amministrazzjoni. Din is-sejħa wasslet biex jintlaħaq l-għan u llum id-DPĊ għandu 100 voluntier attiv għall-protezzjoni tas-soċjetà.
Il-Ministru Abela spjega li l-irwol tal-voluntiera mhux se jservi biss bħala skop ta’ appoġġ waqt attivitajiet tal-massa. Il-voluntiera se jkunu stazzjonati madwar il-ħames stazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’Malta u f’Għawdex. B’hekk, fil-ħin liberu tagħhom, ikunu ta’ appoġġ għax-xogħol tal-membri tal-istazzjon, li fis-sena jwieġbu għal madwar 5,000 sejħa ta’ assistenza.
Il-Ministru ħabbar li fiż-żmien li ġej, l-amministrazzjoni tad-DPĊ se tkompli tinvesti fil-voluntiera billi tipprovdilhom fire-kit ġdida u kompluta, filwaqt li l-AROs se jingħataw tilqim kontra mard infettiv u korsijiet ġodda dwar is-salvataġġ ta’ ħajjiet fuq il-baħar.
Il-Ministru Abela ppreżenta ċertifikat fit-tmiem tat-taħrig intensiv, li l-voluntiera, 57 raġel u 3 nisa, wettqu b’suċċess, filwaqt li faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom. B’sodisfazzjon innota li matul il-perjodu ta’ taħriġ, huma rċevew madwar 130 siegħa ta’ taħriġ, kemm teoretiku kif ukoll prattiku f’oqsma differenti.
Il-Ministru qal li sa din il-ġimgħa stess il-voluntiera ġew mistiedna mid-Dipartiment biex jipparteċipaw f’eżerċizzju ta’ taħriġ dwar il-kontroll u t-tifi tan-nar ta’ inċidenti li jinvolvu sustanzi perikolużi li sar fl-oiltanking ta’ Birżebbuġa. Dan l-eżerċizzju ġab flimkien lill-ħaddiema regolari tal-Protezzjoni Ċivili, lill-għaqdiet mhux governattivi fis-settur, u lill-voluntiera stess.
Il-Ministru għall-Intern ikkonkluda billi awgura lil dawn il-voluntiera li, hekk kif irnexxielhom jibdew u jispiċċaw it-taħriġ bħala 60 persuna, jibqgħu jimmotivaw lil xulxin sabiex iservu ta’ voluntiera għal aktar snin.
Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti wkoll l-Aġent Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila, id-Deputat Direttur Peter Paul Coleiro u l-instructors tal-programm ta’ taħriġ James Newell u Frankie Axiaq.