‘Jaqq, ma nilagħbux magħha’

Rakkonti xokkanti ta’ tfal u familji mwarrbin minħabba qrabathom li qegħdin il-ħabs

Omm ta’ tifla ta’ tliet snin li tattendi l-kindergarten, tirrakkonta kif it-tfal fl-iskola bdew jgħidu lil xulxin, “jaqq, ma nilagħbux magħha għaliex il-papà tagħha ħabsi.”

B’għafsa ta’ qalb, din il-mara rrakkontat kif l-ewwel ġurnata tal-iskola tat-tifla tagħha, kienet fost l-aktar diffiċli għaliha hekk kif semgħet tifel jinkoraġġixxi lil studenti oħrajn biex lil bintha jagħtuha l-ġenb. “...awtomatikament, kif daħlet ta’ tliet snin, it-tfal bdew jgħidu lil xulxin, ‘jaqq ma nilagħbux magħha, jaqq ma nilagħbux magħha.’”

L-omm tgħid kif f’dak il-punt, daret fuq it-tifel partikolari, u staqsietu jekk kliemu hux riflessjoni ta’ dak li kien qed jisma’ mingħand il-ġenituri, “għax imbagħad, ma flaħtx nisma’ iżjed.”

Din hija biss esperjenza waħda minn għexieren oħrajn meħudin minn kampjun ta’ għoxrin familja, miġbura f’rapport intitolat ‘Locked Out’ ippubblikat mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.

Din l-esperjenza ma kinitx l-unika waħda hekk kif omm oħra tistqarr li t-tfal jistgħu jkunu verament insensittivi, u “ssib min hu lsienu ħażin u jipprova jweġġgħek. Imbagħad, fl-aħħar mill-aħħar trid tkun soda u ma tagħtix kas ilsien in-nies.”

‘Kemm qlajt fuq wiċċi...kienu jweġġgħuni’

 

L-istudju, li sar mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, sar fost 20 familja, li jvarjaw minn ġenituri, ulied, aħwa u nisa tal-ħabsin, kif ukoll gwardjani tal-ħabs, voluntiera u l-ħabsin stess.

Fost problemi li jaffaċċjaw quddiem għajnejhom il-familji tal-ħabsin, bħala realtà tal-ħajja, hemm dik tat-timbru li s-soċjetà tpoġġi fuqhom, jew l-istigma. Iżda mhux neċessarjament tkun negattiva, jew fil-verità tkun preżenti, għaliex f’ċerti każi jista’ jkun li tkun biss idea li jkollhom dawn il-qraba.

Inkwiet partikolari li kellha omm, kienet meta esperjenzat attakki personali, b’nies jakkużawha li kienet tirċievi u tgawdi minn oġġetti li kien jisraq binha, u tgħid kif, “kienu jweġġgħuni. Kemm qlajt fuq wiċċi. Allaħares ma jinsiex il-bniedem, binti!”

Dawn il-qraba jkomplu jirrakkuntaw fir-rapport kemm hi diffiċli għalihom ir-realtà li r-raġel/missier/tifel li jinsab il-ħabs, u fost l-oħrajn jgħidu kif anke meta joħorġu mill-ħabs, tkun diffiċli sabiex jerġgħu jiġu impjegati. “Hemm min jagħmel sena priġunerija imbagħad, x’ħin joħroġ barra, dil-kondotta ġġenninhom. Jien qalbi maqtugħa li dawn x’ħin joħorġu se isibu xogħol. Inutli, x’ħin jarawlhom il-kondotta.”

L-uġigħ tal-istigma, ikomplu jsostnu hi marbuta wkoll ma’ mistħija u imbarazzament, anke wara snin twal ta’ ħabs. Fil-fatt, raġel partikolari li ħuh kien qiegħed il-ħabs tkellem kif jiddejjaq joħroġ mid-dar għaliex kien jixbhu, u ommu sostniet li, “jistħu min-nies minħabba fih (il-ħabsi).”

Mir-rakkonti ħareġ ukoll li din l-istigma jista’ jagħti l-każ li tkun biss perċezzjoni, kif tirrakonta mara li hi stess kienet priġuniera, u meta ħarġet mill-ħabs ma stennietx li kien se jkun hemm reazzjoni pożittiva min-nies ta’ madwarha. Irrakkuntat kif, “x’ħin ġejt biex noħroġ...kif ġejna d-dar, qisu kelli party hawn. Ġirien iħabbtu, min ġej bil-laħam, min ġej bil-frott. Il-lallu, bdejt ngħid, x’mistħija. Sibna lil din li toqgħod hawn wara li anqas qatt ma kellimtha, bagħtitli l-frott, min bagħatli l-ħelu...”

Omm oħra tirrakonta kif meta żewġha kien daħal il-ħabs, stenniet li uliedha kienu se jiġu affetwati ħażin fuq il-post tax-xogħol tagħha. “Jien kif ġrat għidt it-tfal ix-xogħol, kemm se jgħajruhom.” Iżda kuntrarjament, tirrakkonta kif uliedha kienu saħansitra ngħataw xi ġranet frank mix-xogħol minħabba s-sitwazzjoni li kienu qed jgħaddu minnha fil-familja.

Intant, fil-ħarġa tal-Illum tal-Ħadd li ġej, se nkomplu nitrattaw esperjenzi fir-rapport ippubblikat mill-NGO ‘Mid-Dlam għad-Dawl’

More in Socjali