‘Nisa Maltin, se jidħqu bikhom biex idaħħlu l-abort’
Il-Gift of life jirritaljaw għall-kummenti li f’Malta l-abort se jiddaħħal ‘dalwaqt’
More in Socjali
Il-Gift of life jirritaljaw għall-kummenti li f’Malta l-abort se jiddaħħal ‘dalwaqt’
Kif mistenni, il-Gift of Life irritaljaw bil-qawwi għal intervista li kienet ippublikata fuq is-sit tal-BBC nhar il-Ħamis li għadda, nhar il-Kunċizzjoni. F’dan l-artiklu Francesca Fenech Conti ġiet ikkwotata tgħid li l-kwistjoni tar-riproduzzjoni tan-nisa hija waħda, mill-aħħar sur ta’ konservattiviżmu f’dik li tiddeskrivi bħala ‘soċjetà ddominata mill-knisja.’
Fl-istess intervista, hija tagħmilha ċara li Malta mhux se tkun kapaċi żżomm lura, dak li ssejjaħ ‘ir-riħ tal-bidla’. ‘Se jkun hawn bidliet dalwaqt, il-fatt li qed ikollna din il-konverżazzjoni hija evidenza tal-bidla. Sa sena u nofs, ilu lanqas kont nista’ niddiskuti dan is-suġġett ma’ oħti jew il-kuġina, illum niddiskutuh il-ħin kollu apertament.’
Il-grupp lokali kontra l-abort, anke jekk fil-fatt preżentement l-ebda partit mhu qed jipproponi l-introduzzjoni tiegħu, akkuża lil Fenech Conti li hija parti minn grupp ta’ nies li qed jipprovaw jimmanipulaw lin-nisa. ‘Nisa Maltin’, jibda l-appell tal-Gift of Life, ‘dalwaqt se tkunu mmanipulati li temmnu li m’intomx nisa veri jekk ma tiġġildux għad-dritt, anke jekk ma tridux tagħmlu użu minnu, biex toqtlu lit-tarbija b’abort.’ Il-messaġġ tal-Gift of Life jispiċċa billi jinsinwa li gruppi ta’ nies se jibdew jikkampanjaw biex jiddaħħal l-abort f’Malta.
Fir-reazzjoni tagħhom, Gift of Life jagħmlu wkoll referenza għad-diskussjoni dwar il-Morning After Pill u jallaċċjaw dan mad-diskussjoni dwar l-abort.
Fl-istess artiklu, miktub minn Becky Branford jiġi wkoll intervistat l-Arċisqof Charles J Scicluna u Herman Grech, Editur Diġitali tat-Times. Filwaqt li Grech ifakkar li mhux xi ħaġa neċessarja li kull min kien favur l-introduzzjoni ta’ drittijiet ċivili għal koppji tal-istess sess se jkun favur l-abort, Scicluna ifakkar li l-Knisja se tibqa’ ‘kommessa li tiddefendi lill-aktar vulnerabbli u mingħar vuċi, fis-soċjetà, bħat-tarbija li għadha ma twelditx. Il-Knisja temmen li anke tarbija li għadha ma twelditx għandha tkun trattata b’dinjità. Dan hu it-twemmin,’ ifakkar l-Arċisqof, ‘tal-maġġoranza l-kbira tal-poplu Malti.’